F’intervista li kellu Massimiliano Allegri wara l-partita tal-lum, huwa sostna li kien jaf li d-Derby se jkun battalja. Sostna wkoll li l-plejers lagħbu partita tajba ħafna u li kienu qed jitilfu biss għax Andrea Belotti skurja goal sabiħ ħafna.

Is-sostituzzjonijiet kienu determinanti fir-rebħa Juventina llum. Allegri qal li Dybala ġej lura b’ritmu mgħaġġel ħafna wara l-injury għalkemm xorta jrid iktar żmien biex jiġi 100%. Tkellem ukoll fuq Mario Mandžukić fejn qal li jifhem li dak il-ħin Mandžukić ma kienx kuntent li ġie mibdul, però dak il-ħin hu ħass li fil-pitch ried iktar kwalità teknika. “Xħin naqas ir-ritmu tal-logħba, il-kwalità teknika ħarġet iktar u b’hekk is-sostituzzjonijiet irnexxew”, kompla jgħid Allegri.

Tkellem ukoll fuq il-protagonist, Gonzalo Higuaín. “Ninsab kuntent ħafna bl-impressjoni li qed iħalli Higuaín anke meta ma jiskurjax, għaliex ikun ħadem ħafna għat-tim. Naf li hu jgħix u jaħdem biex jiskurja, però aħna ma xtrajniehx biss biex jiskurja”.

Fl-aħħar kien mistoqsi dwar il-partita t’għada bejn Roma u Milan u ġie mistoqsi jekk jixtieqx li jkun hemm riżultat ta’ draw. Allegri wieġeb: “Jien mhux se nsegwiha minħabba li għandna l-ikla annwali tal-Milied”.

Sors: Sport Mediaset

dical-banner-1200×280