Wara li fil-ġranet li għaddew, Juventus kienu ħabbru li se jidħlu fix-xena tal-futbol tan-nisa, b’Rita Guarino maħtura bħala l-ewwel kowċ, issa ġiet uffiċjalizzata l-introduzzjoni tagħhom fil-kampjonat tas-Serie A.
Dan se jkun possibbli hekk kif Juventus laħqu ftehim ma’ Cuneo Calcio Femminile sabiex jixtruhom u b’hekk, jieħdu sehem fl-ogħla diviżjoni Taljana.
Dan l-akkwist ġie aċċettat mill-FIGC, bil-għan li jikber il-moviment tal-futbol tan-nisa u jkun ta’ motivazzjoni għal klabbs kbar oħra.
Sadanittant, apparti t-tim tal-kbar, Juventus se jipparteċipaw anke fil-kampjonat tal-Primavera Femminile.