Waqt laqgħa tal-Kumitat Eżekuttiv li saret it-Tnejn, Omar Busuttil tefa’ r-riżenja tiegħu mill-Kumitat u minn President tal-Klabb minħabba raġunijiet personali.
B’hekk irid isir EGM biex jinħatar President ġdid tal-klabb u karigi oħra li ġew vakanti.
Ir-riżenja ġiet aċċettata mill-Kumitat. Omar Busuttil waqt din il-laqgħa reġa’ spjega r-raġuni tar-riżenja u anke ta l-opinjoni tiegħu fuq min għandu jkun is-suċċessur tiegħu, jiġifieri Jean Borg, Marlon Hili u Matthew Mamo minħabba seniority jew inkella Gordon Pace u James Mizzi. Il-Kumitat kollu rringrazzja lil Omar Busuttil għax-xogħol siewi li wettaq f’dawn is-snin fil-Kumitat.
Dawk suġġeriti għall-kariga ta’ President qablu bejniethom li Jean Borg ikun is-suċċessur ideali u għalhekk avżaw lil-Kumitat li se jappoggjaw in-nomina tiegħu. Din ġiet approvata unanimament mill-Kumitat kollu. Naturalment allura ġie vakanti r-rwol ta’ Segretarju Ġenerali u l-Kumitat unanimament ippropona lil James Mizzi, li aċċetta mill-ewwel din il-kariga.
Ġie deċiż li l-EGM minħabba dawn il-karigi ġodda jsir il-Hadd, l-1 t’Ottubru 2017 fis-6.30 pm (qabel il-logħba tas-Serie A, Atalanta v Juventus, fit-8.45 pm).
F’din il-laqgħa stess Omar Busuttil ġie maħtur President Onorarju tal-klabb.