Il-Juventus Club Malta Cuore Bianconero żied sensiela tal-magazine popolari dwar Juventus, Hurrà Juventus.
L-għotja saret minn Brandon Cilia Ferris u l-magazines imorru lura għall-bidu tas-snin disgħin. Fost l-oħrajn hemm l-edizzjonijiet li jħabbru l-wasla ta’ Roberto Baggio ma’ Juventus kif ukoll l-aqwa snin ta’ Alessandro Del Piero fost leġġendi oħra.
Din l-għotja tkompli tibni fuq il-memorabilja li l-klabb diġà għandu u li għalissa jintużaw f’wirjiet jew open days li jorganizza l-klabb. Madankollu, fil-futur qrib dawn l-oġġetti se jkunu jistgħu jitgawdew iżjed regolarment mill-membri.
Min għandu xi affarijiet assoċjati ma’ Juventus li jinsabu abbandunati f’xi post fejn qatt ma jitgawdew, u jixtieq li jagħmel użu minnhom il-klabb, jista’ jagħmel kuntatt ma’ xi membru tal-Kumitat.
Jiġu aċċettati wkoll oġġetti b’self, u li allura jibqgħu proprjetà tas-sidien rispettivi tagħhom.