Minħabba ż-żieda kontinwa fil-membri, kif ukoll iż-żieda fit-talba għas-servizzi tal-klabb, il-Kumitat investa fi studju intern bl-iskop li jżid l-effiċjenza filwaqt li jgħolli l-livell tas-servizzi offruti lill-membri.
L-iskop ta’ dan l-eżerċizzju kien ukoll dak li jiġi żgurat futur finanzjarju b’saħħtu għall-klabb biex ikun sostenibbli minnu nnifsu grazzi għall-fondi li jidħlu matul is-sena.
Għal dan il-għan il-Kumitat, wara li evalwa numru ta’ possibbiltajiet, ħa d-deċiżjoni li joħloq struttura ġdida u aktar moderna tal-mod li bih jitmexxa l-klabb.
Għaldaqstant, fil-laqgħa ġenerali annwali li jmiss, se jiġi propost li l-klabb jaħtar Kap Eżekuttiv. Filwaqt li din se tkun l-ewwel darba f’pajjiżna li klabb tal-ġeneru tagħna jaħtar Kap Eżekuttiv, dan ir-rwol se jkun iffukat fuq il-lat operattiv tal-klabb. Flimkien mar-rwoli tas-Segretarju, President u Viċi President, il-Kap Eżekuttiv se jkun qed imexxi l-klabb lejn stil ta’ tmexxija iktar moderna u professjonali.
Barra minn hekk se jsir bdil radikali fil-mod li bih il-membri tal-klabb se jkunu jistgħu jixtru biljetti għal-logħob ta’ Juventus. Din il-bidla wkoll se toħloq sistema professjonali bi struttura li tippermetti aktar flessibbiltà u mmaniġġjar aħjar tal-eluf ta’ talbiet li jsiru lill-klabb matul is-sena.
F’dan ir-rigward, id-dettalji kollha se jitħabbru fil-jiem li ġejjin filwaqt li l-bidla fit-tmexxija tal-klabb se tiġi mħabbra waqt il-laqgħa ġenerali annwali sabiex tiġi approvata mill-membri.
Bħall-passat tiegħu, il-klabb għandu futur eċitanti u promettenti.





