Wasal ix-xahar ta’ April u miegħu jaslu wkoll numru ta’ aħbarijiet rigward transfers. Wieħed mill-ismijiet li qed jiġri fuq il-midja huwa dak ta’ Edinson Cavani, plejer li bħalissa qed jilgħab fi Franza ma’ Paris St-Germain.
Cavani beda l-karriera tiegħu ma’ Danubio fl-Urugwaj, sakemm is-solitu president ta’ Palermo, Zamparini, xtrah għas-somma ta’ €4 miljun. Kellu żewġ staġuni mill-aqwa sakemm Napoli akkwistawh b’self mingħand l-istess Palermo. Minn hawnhekk rajna l-qabża fil-kwalità ta’ El Matador. Gowls stupendi u li jħalluk b’ ħalqek miftuħ. Ġiri liema bħalu u mossi li huma karatteristiċi ta’ Cavani biss. Wieħed mill-gowls li dejjem affaxxinawni jibqa’ l-gowl kontra Lecce, meta fl-aħħar ħinijiet tal-partita, Cavani qabad il-ballun min-nofs il-grawnd, qabeż bil-ġirja żewg plejers u sammar xutt b’saħħtu li ra lil Julio Sergio megħlub għal kollox.
Wara tliet staġuni ma’ Napoli, il-biljunarji ta’ Pariġi akkwistaw lill-Urugwajan għas-somma ta’ €65 miljun. Fi tliet snin ma’ PSG, Cavani lagħab 138 u skurja 75 gowl u għandu wkoll wara ismu 12-il assist. Huma numri tajbin ħafna għall-attakkant ta’ 28 sena. Dawn in-numri ta’ gowls huma kollha frott il-qawwa tal-Matador fejn jidħlu daqqiet ta’ ras, xuttijiet mill-bogħod u ovvjament ix-xogħol tiegħu ta’attakkant li jiskurja, li jagħmluh wieħed mill-aqwa fl-irwol tiegħu.
Cavani ilu jissemma li jingħaqad mat-tim ta’ Juventus minn meta kien mat-tim Sqalli ta’ Palermo. Ħadd m’għandu dubju li dan ikun plejer importanti għall-Juventini, anke minħabba l-fatt li diġà għandu esperjenza fil-kampjonat Taljan. Madankollu ċerti affarijiet jagħmluha diffiċli għal Juventus, speċjalment il-flus tat-transfer, kif ukoll il-paga enormi ta’ Cavani. Ħa narawh lil Edinson jgħaqqad koppja letali ma’ Dybala fl-istaġun li ġej?
Filwaqt li nirringrazzja ’l-qarrejja għal darb’oħra talli jaqraw l-artikli tiegħi, jien nixtieq nawgura l-Għid it-tajjeb lil qarrejja kollha.
Proset king
Filwaqt li nirringrazzjak ta l artikli nteresanti tieghek, nawgura lijlek ul familja tieghek l Ghid it Tajjeb
Grazzi Sinjur Michael u Sur Laurence. Awguri