Staġun 2007-08. Juventus jirritornaw mill-ewwel fis-Serie A wara sena fil-purgatorju tas-Serie B.

It-tim inbidel ferm minn dak li sa sentejn qabel, taħt it-tmexxija ta’ Fabio Capello, kien dejjem wieħed mill-favoriti nett għar-rebħ tal-kampjonat. Minn dak it-tim kienu biss plejers bħal Gianluigi Buffon, Alessandro Del Piero, Pavel Nedvěd, David Trezeguet u Mauro Germán Camoranesi li baqgħu ma’ Juventus.

L-għan ta’ Juventus f’dan l-istaġun huwa li juru li allavolja tilfu numru kbir ta’ stilel affermati, it-tim għadu b’saħħtu biżżejjed biex ikun wieħed mit-timijiet li jissielet għall-ewwel pożizzjonijiet.

Ċertament li waħda mill-prijoritajiet għall-Bianconeri hija li jakkwistaw il-kwalifikazzjoni għall-kompetizzjoni taċ-Champions League.

Il-logħba kontra Milan bħal-lum tmien snin kienet ċertament logħba ferm importanti u kellha tagħti indikazzjoni ċara ta’ min minn dawn iż-żewġ rivali ser jakkwista post fiċ-Champions League għall-istaġun 2008-09.