Meta bdiet l-era Andrea Agnelli, miegħu ġew Marotta u Paratici, friski minn staġun eċċezzjonali ma’ Sampdoria fejn spiċċaw fir-4 post fis-Serie A. F’Mejju tal-2010, Juventus konna fortunati li ffirmajna lil dawn it-tnejn għaliex bix-xogħol sottili tagħhom u tad-diriġenza, illum ninsabu fejn ninsabu, fost l-aqwa 5 klabbs fl-Ewropa.

Imma kulħadd jiftakar kemm konna nikkritikaw lil dawn it-tnejn. Fl-ewwel sena tagħhom u taħt it-tmexxija tal-kowċ Del Neri, spiċċajna fis-7 post, u saħansitra tlifna kull ċans li nilagħbu fl-Ewropa. Minn akkwisti bħal Aquilani, Motta, Traoré, Rinaudo, Camilleri, u l-famużi Martínez u Krasić, sena biss wara rajna akkwisti bħal Vidal, Pirlo, Lichtsteiner, Giaccherrini, u Vučinić.

Taħt it-tmexxija ta’ Conte, rajna lil Bonucci, Pepe, Matri, Quagliarella u Storari ( akkwisti li saru taħt Marotta u Paratici) li baqgħu juru l-bravura sottili ta’ dawn iż-żewġ diriġenti.

Kif irbaħna l-ewwel Scudetto, u t-tieni u t-tielet konsekuttiv, filwaqt li fl-Ewropa bdejna nkunu kemxejn kwieti b’telfiet kontra Bayern fiċ-Champions League u telfa kontra Benfica fl-Ewropa League, kulħadd beda jistaqsi jekk humiex jagħmlu xogħol siewi fis-suq tat-trasferimenti, u dan wassal biex il-kowċ Conte wkoll jitfa’ botta fuq dan ir-rigward.

Taħt Allegri rajna akkwisti iktar ġovanili bħal Morata, Sturaro, Pereyra u Coman, filwaqt li akkwistajna lil Evra u ġibna b’self lil Matri li konna tajnieh lil Milan għas-somma ta’ 12m Ewro. Madankollu, kien biss sena wara li bdejna naraw akkwisti ta’ kalibru jiġu b’somom kbar ta’ flus, wara staġun eċċezzjonali fiċ-Champions League, meta tlifna fil-finali kontra Barcelona. B’akkwisti bħal Dybala, Alex Sandro u Zaza għal somom kbar, bdejna nindunaw li l-fatturat ta’ Juventus kien wieħed b’saħħtu ħafna. Wara d-diżappunt fl-Ewropa hekk kif inqlajna kontra Bayern, kien wasal iż-żmien li nibdew nonfqu l-flus.

Dis-sena ġa bdejna b’ħames akkwisti kbar: Dani Alves b’xejn, Pjanić bi €32 miljun, Benatia b’self, Pjaca għal €26 miljun u issa t-transfer imminenti tal-Pipita Higuain għal somma rekord fis-Serie A u fl-Istorja tal-Juve għal €94 miljun, maqsuma fuq żewg staġuni. Transfers li fuq Fifa u Football Manager ukoll ġieli jkunu diffiċli aħseb u ara fil-futbol reali.

Nixtieq minn hawn nagħmel apoloġija pubblika lil dawn it-tnejn, Paratici u Marotta ta’ kemm-il darba kkritikajthom qatta bla ħabel. Taw risposta lil ħafna minna li dejjem imxejna b’qalbna iktar milli b’moħħna u b’qalbna. Taw risposta immensa lili l-ewwel wieħed. Sewwa jgħidu li qattusa għaġġelija frieħ għomja tagħmel. Dawn it-tnejn ħadmu ferm bil-għaqal biex illum ninsabu finanzjarjament b’saħħitna ħafna u nemmen li dan il-proġett sostennibbli ħa jwassalna biex inkomplu nimxu ’l quddiem.

Nemmen li ħadd mhu perfett u żbalji fi trasferimenti ħa jibqgħu jsiru; madankollu, jien naħseb li bħalissa m’għandniex għalfejn ingergru anke jekk jitilqu iktar plejers maħbubin minna.

Inħallu f’idejn dawn iż-żewġ ‘magi del calcio’.
Grazie Fabio, Grazie Beppe!

dical-banner-1200×280