Jekk rrid nkun bħal l-Interisti, ngħid li iva, u nibda’ nibki sabiex is-sena d-dieħla kieku nista’ anke l-President jinbidel, imbagħad niftakar li jien ivvantagjat u ġejt Juventin.

Kwalunkwe eliminazzjoni, tkun minn liema tazza tkun, diffiċli ssib l-pożittiv dwarha, għaliex tibda tara kollox kontra u tibda tħoss li forsi ħa tispiċċa d-dinja u mhux ser jkun hemm staġun ieħor sabiex wieħed jirkupra min din id-disfatta. Imbagħad meta forsi tikkalma u mingħajr ma trid anke taħseb fuq din l-imbierka logħba forsi tibda tirraġuna u taħseb differenti ukoll.

Juventus din is-sena ġew eliminati miċ–Champions league minħabba żbalji banali li saru speċjalment fl-ewwel leg kontra Porto, żbalji li tappnu bi kbir il-prestazzjoni fl-opinjoni tiegħi tajba u pożittiva li kellhom nhar it-Tlieta u li personalment ttini ftit kuraġġ anke għal-futur ta’ dan it-tim.

Hemm x’jinbidel? Nemmen li iva, iżda mhux il-bdil radikali li forsi kulħadd qiegħed jistenna. L-ewwel raġuni hi, li minħabba din l-imbierka pandemija rridu nifhmu lkoll li ċertu infiq jew riskji ma jistgħux isiru bħal ma kien jsir fil-passat. It-tieni fattur hu, li għal kontra li jagħmlu ħafna mill-avversarji tagħna, ma narmix l-iskwadra u l-kowċ għax jiġi staġun deludenti, pero’ hemm fatturi oħra li dwarhom ħa nikteb il-ħsibijiet tiegħi.

Fl-opinjoni modesta tiegħi, naħseb, li l-ewwel ma jridu jagħmlu l-Juventus huwa li jċedu lil-Ronaldo, jew milli kif jidher, iħalluh jitlaq ma tim ieħor. Qed ngħid dan, mhux għax mhux tajjeb, anzi huwa plejer enormi u fost l-aqwa li qatt rat id-dinja. Plejer li jien nhobb u li hu ta’ unur li dan liebes il-flok tat-tim favorit tiegħi, iżda rridu nkunu onesti magħna nfusna u nammettu li hemm żewġt fatturi għalfejn dan għandu jitneħħa, li huma kemm mil-lat finanzjarju kif ukoll mil-lat tekniku.

Finanzjarju: Personalment nemmen li bil-Covid19 u r-restrizzjonijiet li ġabet magħha, dan il-piż ma għadux tenibli ghas-soċjetà u rridu ninżaw il-kappell għaliha tas-sagrifiċċji u r-riskji li ħadet sabiex akkwistat lil dan il-plejer. Meta tikkunsidra s-salarju tiegħu ta’ 30 miljun Euro li l-Juventus fir-realtà’ meta tikkunsidra taxxi u spejjez oħra jiswew qrib is-60 miljun Euro tinduna kemm fir-realta’ Juventus jistgħu jakkwistaw plejer jew plejers ta’ livell għoli b’dak is-salarju, f’pożizzjonijiet oħra fejn it-tim għandu bżonn, speċjalment f’nofs il-grawnd.

Tekniku: Tghiduli dan top skorer u min jaf kemm il-logħba rebbaħ lil-Juventus bil-gowls tiegħu. Fl-istess ħin hu leader fil-grawnd, però hu anke veru li llum it-tim jilgħab leteralment għalih, u jagħmel min kollox sabiex dan jsib ix-xibka għax jekk le forsi jissupervja jew jagħmel in-nervi. Huwa anke vera li l-kowċ, irrelevanti min hu, jsibha diffiċli jagħżel formazzjoni li Ronaldo ma jkunx fiha, jew saħansitra irrelevanti mil-prestazzjoni li jkun qiegħed jagħmel dan l-istess plejer ma jiġi sostitwit qatt. bil-konsegwenza li plejers ta’ talent (aqta’ barra lil Chiesa) qegħdin jintilfu jew mhux jesprimu l-aqwa tagħhom fil-ground. Kumbinazzjoni li l-aħjar logħba ta’ Juventus kienet dik kontra Lazio? Kumbinazzjoni li l-aħjar logħba ta’ Juventus meta dawwru l-formazzjoni għal dik ta’ 4-3-3? Kumbinazzjoni li din il-formazzjoni intużat biss meta ma kienx fil-grawnd Ronaldo?

Ovvjament mhux Ronaldo biss, hemm plejers oħrajn li naqsu li jikkonfermaw ruħhom bil-flok tal-Juventus u li wasal iz–żmien li dawn jħallu posthom għal ħaddiehor.

Madankollu nibqa’ tal-fehma li wasal wkoll iz-żmien li jkun hemm bidla fid-dirigenza fosthom Paratici, li għalkemm din is-sena għamel transfer market tajjeb speċjalment fejn jidhol prospett ghal-futur, iżda xorta jibqa’ l-fatt li dan sena wara sena naqas li jġib plejers f’pożizzjonijiet essenzjali bħal nofs il-ground u fl-opinjoni tiegħi anke plejers li bis-sahha tagħhom jistgħu isserrħu plejers hekk meqjusa tal-ewwel ħdax mingħajr ir-riskju li jkollok differenzi fi prestazzjoni.

Pirlo? Nibqa’ tal-opinjoni li dan il-coach li għadu żgħir u għad fadallu ħafna x’jitgħallem hu l-inqas wieħed li jista’ jintefa xi forma ta’ tort. Kowc li meta tqis li ma għandu ebda esperjenza f’dan il-qasam, u tim bla pre-season, u nuqqas ta’ żmien fejn wieħed seta’ jesperimenta formazzjonijiet differenti. Kontrih kellu ukoll in-numru kbir ta’ plejers imweġġa’ fl-istess perjodu. Biex ikomplu mas-suġġett imsemmi aktar il-fuq, ninsab kurjuż nara lil Pirlo f’tim mingħajr Ronaldo, li forsi jkun iktar fil-libertà’ li jesprimi t-tip ta’ ideat tiegħu mingħajr l’ebda tip ta’ obbligi lejn stilel u bi plejers ta’ talent bħal Kulusevski u Dybala li forsi finalment jkollhom l-opportunità’ jesprimu ruħhom aħjar mingħajr ma jkunu fl-ebda tip ta’ dell.

Forsi alibi ieħor favur Pirlo hu l-fatt li forsi ħafna nies qegħdin jinjoraw, grawnds vojta u bla supporters, xi haġa li matul iz-żmien ilkoll nafu kemm l-ispinta tas-supporters tiegħek tista’ tkun effettiva f’loghobiet kruċjali u li mentalment jgħinu u qishom jobbligaw il-plejer jgħattu l-aqwa tagħhom fil-grawnd.

Bħal dejjem jien nibqa’ fiducjuz f’dan it-tim u din is-soċjetà’ u nibqa’ nittamma’ li finalment dak li ilna nixtiequ xi darba jasal. Nittamma’ li nkun għadni b’saħħti sabiex nkun nista’ iċċelebra. 🙂

Fino alla Fine Forza Juventus

Marlon Hili

President

Juventus Club Malta Cuore Bianconero