minn Gordon Pace

F’dan iż-żmien fejn qegħdin naraw diversi biljunarji jixtru klabbs rinomati, bħal pereżempju Milan, tajjeb li niftakru li Juventus titmexxa wkoll minn familja li ġġib magħha mhux biss il-flus, imma fuq kollox id-DNA ta’ determinazzjoni li bħal donnu huwa parti mill-familja Agnelli.

Agnelli

Il-familja Agnelli hija magħrufa sew u rispettata mmens kemm fl-Italja u anke barra mill-Italja. Fid-dinja tan-negozju, il-valur tar-rispett mhuwiex biss attribwit fuq il-karattru simpatiku ta’ individwu, imma fuq kollox marbut mar-riżultati li jinkisbu.

Kif jaf kulħadd l-Agnelli huma s-sidien tal-FIAT Motor Company, li llum hija parti integrali mill-identità tal-Italja. Barra minn hekk huma wkoll is-sidien ta’ ditti oħrajn magħrufa mad-dinja kollha bħal Ferrari, Alfa Romeo, Lancia u anke Chrysler, li llum hija magħrufa kummerċjalment bħala “Fiat Chrysler Automobiles.”

Mhux ta’ b’xejn li diversi negozjanti u politiċi jirreferu għall-familja Agnelli bħala l-Kennedy’s tal-Italia.

Determinazzjoni u viżjoni

Ma tistax tikseb dawn ir-riżultati mingħajr ma jkollok determinazzjoni b’saħħitha. Ovvjament trid mhux biss temmen fik innifsek imma fuq kollox fil-kapaċità tan-nies ta’ madwarek li jimxu mal-viżjoni tiegħek.

Trid ukoll ħafna kuraġġ biex tieħu deċiżjonijiet li jaf ma jkunux poplari.

Dan huwa wkoll il-karattru li l-familja Agnelli tat lil Juventus. Eżempju ċar huwa l-branding il-ġdid. Minkejja l-kontroversja li kienu jafu li se jqajjem, partikolarment għax huwa differenti kompletament minn dak li huwa n-norma fil-futbol, huwa ċert li dan se jirriżulta f’investiment finanzjarju.

Però dan, niddiskutuh f’artiklu ieħor.

Għalissa nħallu lis-sinjuri jixtru l-klabbs u l-plejers, filwaqt li nserrħu rasna li Juventus huma mmexxija minn familja li mhux biss hija sinjura u rispettata imma fuq kollox għandha mħabba ta’ vera lejn il-flokk.

In-negozjanti jiġu u jmorru, bħalma għamlu Berlusconi u Moratti.
Il-familja tibqa’.

Il-klabb qed jaħseb fi proġetti li jistgħu jagħtu prominenza nazzjonali lil dawk li jipparteċipaw fihom. Għalhekk, jekk tixtieq tappoġġja lill-klabb permezz ta’ sponsor, agħmel kuntatt magħna fuq info@juventusmalta.com.

Tixtieq tkun kontributur tas-sit juventusmalta.com u tibda tikteb l-artikli magħna? Agħmel kuntatt fuq admin@juventusmalta.com

dical-banner-1200×280