Le serrħu raskom li mhux se jinbidel il-prezz tal-miżata annwali li titħallas mil-membri, anzi…

Bi pjaċir inħabbru li waqt laqgħa tal-Kumitat li saret il-Ħamis 21 ta’ Diċembru 2017 kien hemm qbil unanimu sabiex tiġi introdotta skema ġdida li biha jiżdied ferm il-valur tas-sħubija mal-klabb.

Sal-lum wieħed jista’ jħallas il-miżata annwali, bi prezz li jvarja skont l-età tal-individwu, u apparti li jingħata rigal sabiħ bħala ringrazzjament, ikun wkoll eleġibbli li jakkwista biljetti għal-logħob ta’ Juventus u jidħol b’xejn waqt il-logħob murija b’mod dirett fil-klabb. Iżda l-Kumitat ħass li dan mhux biżżejjed u għalhekk ser jintroduċi dan li ġej:

– Tesserament mal-klabb se jibda jkun validu għal tnax-il xahar u mhux iżjed sa tmiem l-istaġun. B’dan il-mod qed nevitaw li jkollna membri li jħallsu t-tesserament tagħhom għal żmien qasir u b’hekk kulħadd se jkun qiegħed jieħu l-istess valur għall-flus li jkun ħallas;

– Ninsabu f’diskussjoni ma’ diversi kumpaniji biex meta persuna tissieħeb tesserata mal-klabb jingħata lura roħs fuq prodotti u servizzi varji (discounts) li bħala tesserat ikun eleġibbli għalihom. Fil-jiem li ġejjin se tinħareġ lista ta’ ftehimiet li l-klabb laħaq ma’ kumpaniji lokali għal dan l-għan;

– Qed isiru wkoll diskussjonijiet sabiex jinkisbu diversi vouchers bil-ħsieb li jibdew jittellgħu f’lotterija onlajn darba fix-xahar. Din il-lotterija ser tkun esklussiva għall-membri, se tkun b’xejn u mingħajr il-bżonn li persuna tixtri biljett;

– Minn dan l-istaġun ukoll se tibda tingħata l-ewwel prijorità lill-membri f’każ li l-Kumitat ikun ser jorganizza xi attività jew jilqa’ f’pajjiżna lil xi personalità mil-kamp Juventin. Fil-preżent kull attività simili dejjem kienet miftuħa b’mod immedjat għal kulħadd sakemm jintlaħaq il-limitu;

Dawn l-inizjattivi japplikaw ukoll għal min diġà hu membru tal-klabb. Dan ifisser ukoll li kull sħubija mħallsa fl-aħħar xhur se tiġi estiża sa tnax-il xahar minn mindu saret, u mhux awtomatikament tiskadi f’Mejju li ġej.

B’hekk mill-istaġun 2018/19, kull min jissieħeb membru se jieħu immedjatament it-tessera tal-klabb, li tiġi pprintjata u tinġabar dak il-ħin setess fil-klabb, kif ukoll rigal. Fil-bidu ta’ kull staġun il-klabb se jibqa’ joħroġ tessera u rigal ġodda, bil-membri jirċevuhom meta jġeddu t-tessera matul is-sena.

 

Bħala Kumitat dejjem emminna li l-membru hu l-magna ta’ dan il-klabb u għalhekk ħassejna li għandna nroddu lura xi ħaga żgħira lil dawk kollha li juru l-fiduċja tagħhom fina.

Sadattant min għandu xi kumpanija jew joffri xi servizz u jixtieq li jkun parti minn dawn l-inizjattivi jista’ jagħmel kuntatt ma’ Marlon Hili, Viċi President tal-klabb, fuq 99201009 jew permezz tal-email lil club@juventusmalta.com u tingħatalu aktar informazzjoni.