minn Marlon Hili

Leonardo Bonucci minn ma’ Juventus għal ma’ Milan kienet aħbar li xxokkjat lil ħafna dilettanti tal-futbol. Personaġġ li għal ħafna kien jirrifletti l-Juventinità matul dawn l-aħħar snin.

Kien hemm bosta diskussjonijiet fuq dan it-trasferiment. Min ma qabilx mal-prezz li nbiegħ, min ma qabilx mat-tim li mar miegħu, però kien hemm min bħali pprova joħroġ xi ħaġa pożittiva, bħall-possibbiltà li finalment naraw lil Daniele Rugani mal-ewwel ħdax.

Però diskussjoni li lili laqtitni partikolarment hi dik dwar għaliex Juventus ħallew lil Bonucci jitlaq u mhux lil Allegri? L-opinjoni personali tiegħi wasslitni għal risposta li nħoss li hi waħda ovvja u faċli.

Jekk vera kien hemm xi forma ta’ problema bejn il-plejer u l-kowċ, din hi xi ħaġa li fejn hemm il-bniedem ser tiġri kuljum u kullimkien. Iżda hu x’inhu l-każ, soċjetà serja qatt ma ġġib plejer, kowċ jew anke diriġent ’il fuq mill-klabb, u f’dan il-każ qatt ma tista’ ġġib plejer, hu min hu, ’il fuq mill-kowċ.

Dan għaliex ikun sinjal ta’ debbolezza mis-soċjetà u fl-istess ħin tkun qed twassal messaġġ lill-kumplament tal-plejers l-oħra li m’hemmx dixxiplina u li l-kowċ m’għandux awtorità fuq it-tim.

Però ejjew insemmu wkoll il-lat tekniku tat-tim. Hu ferm aktar faċli li ssib difensur li jista’ jieħu post difensur ieħor li fadallu karriera ta’ 4 jew 5 snin, speċjalment meta fit-tim ikollok diġà plejers lesti li jieħdu din ir-responsabbiltà.

Għall-kuntrarju, kowċ tista’ ssib ħafna iżda mhux faċli li dan ikun disponibbli, ippreparat, b’esperjenza internazzjonali u li fuq kollox jieħu l-paga li hemm fl-Italja. Baxxi wisq meta kkumparati ma’ dawk f’pajjiżi oħra bħal Spanja u l-Ingilterra.

Sempliċi le?

Il-klabb qed jaħseb fi proġetti li jistgħu jagħtu prominenza nazzjonali lil dawk li jipparteċipaw fihom. Għalhekk, jekk tixtieq tappoġġja lill-klabb permezz ta’ sponsor, agħmel kuntatt magħna fuq info@juventusmalta.com.

Tixtieq tkun kontributur tas-sit juventusmalta.com u tibda tikteb l-artikli magħna? Agħmel kuntatt fuq admin@juventusmalta.com

dical-banner-1200×280