minn Marlon Hili

Fl-aħħar il-kundanna qtajnieha. Juventus ser jaffrontaw lil Real Madrid fil-finali taċ-Champions League ta’ din is-sena li bħal ma tafu ser issir fil-Millennium Stadium ta’ Cardiff nhar it-3 ta’ Ġunju 2017. Fi kliem ieħor it-tim bl-iktar unuri f’din il-kompetizzjoni kontra tim li għandu rekord ta’ telf fil-finali.

Ma nħobb naħli ħin lil ħadd, b’hekk ser nipprova nikteb ftit statistika interessanti fuq dawn iż-żewġ timijiet u anke dwar il-kompetizzjoni nnifisha.

Sal-lum Juventus lagħbu 12-il logħba, li minnhom rebħu 9, 3 logħbiet spiċċaw f’parità filwaqt li sa issa għadhom ma sofrewx telfa; skurjaw 21 gowl u kkonċedew biss 3 gowls. Bħala pussess totali tal-ballun sa mill-bidu ta’ din il-kompetizzjoni Juventus kellhom 53%. Real Madrid ovvjament l-istess bħal Juventus lagħbu wkoll 12-il logħoba, rebħu 8, 3 logħbiet spiċċaw f’parità, filwaqt li tilfu logħba waħda; id-differenza bejn iż-żewġ timijiet tidher fil-gowls. Infatti Real Madrid sabu x-xibka 32 darba, iżda kkonċedew 17-il gowl (kważi 6 darbiet iktar minn Juventus). Bħala pussess Real Madird akkumulaw 53%.

Iżda x’ġara fil-passat?

L-ewwel konfront seħħ fi Frar tal-1962 fejn it-tim Spanjol kien ħareġ rebbieħ bir-riżultat ta’ 1–0, liema konfront kien validu għall-gruppi tal-European Champions Clubs’ Cup (iċ-Champions League tal-lum), filwaqt li l-aħħar konfront intlagħab f’Mejju 2015 li ntemm bir-riżultat ta’ 1–1, riżultat li ppermetta lil Juventus javvanzaw għall-finali mbagħad mitlufa kontra Barcelona. Matulhom kien hemm 18-il konfront, fejn iż-żewġ timijiet għandhom parità ta’ riżultati fejn irnexxielhom jirbħu lil xulxin 8 darbiet u f’żewġ okkażjonijiet il-logħba spiċċat fi draw. F’dawn il-logħbiet Juventus ikkonċedew 18-il gowl filwaqt li skurjaw 21 darba.

Statistika oħra importanti hi l-istorja ta’ dawn iż-żewġ timijiet f’din il-kompetizzjoni, fejn it-tim minn Madrid qabel il-finali tat-3 ta’ Ġunju ħa sehem f’14-il finali li minnhom rebaħ 11, kontra Stade Reims (1956 u 1959), Fiorentina (1957), Milan (1958), Eintracht Frankfurt (1960), Partizan Belgrade (1967), Juventus (1998), Valencia (2000), Leverkusen (2002) u Atletico Madrid (2014 u 2016) filwaqt li tilfu 3 kontra Benfica (1962), FC Internazionale (1963) u Liverpool (1981).

Juventus għandhom total ta’ 8 finali li minnhom rebħu 2, kontra Liverpool (1985) u Ajax (1996) u tilfu 6, kontra Ajax (1972), Hamburg (1983), Borussia Dortmund (1997), Real Madrid (1998), Milan (2003) u Barcelona (2015).

Real Madrid akkumulaw total ta’ 566 punt f’410 logħbiet, li minnhom rebħu 245, tilfu 93 logħba filwaqt li 72 logħba spiċċaw f’parità; skurjaw total ta’ 909 u kkonċedew 447 b’differenza ta’ gowls ta’ 462. Juventus akkumulaw 324 punt f’251 logħba, li minnhom rebħu 126, tilfu 61 filwaqt li 64 logħba spiċċaw f’parità; skurjaw 400, ikkonċedew 239 b’differenza ta’ 161 gowl.

Finalisti oħra jsegwu lil Real Madrid hemm Milan bi 11, Bayern b’10, Barcelona bi 8, Liverpool u Ajax b’6 u FC Internazionale u Manchester United b’total ta’ 5 finali. B’hekk bil-finali tat-3 ta’ Ġunju Juventus jaqbżu lil Barcelona b’total ta’ finali milgħuba.

Konklużjoni? Filwaqt li l-istatistika turi biċ-ċar is-supremazija ta’ Real Madrid f’din il-kompetizzjoni, żgur ma jistgħux jiftaħru b’supremazija f’konfronti diretti kontra t-tim Juventin. L-istess nistgħu ngħidu fuq il-preżent fejn bir-riżultati miksuba bejn iż-żewġ timijiet matul il-kompetizzjoni kurrenti sinċerament m’iniex nara tim favurit; fejn l-aqwa attakk (Real Madrid) ser jikkompeti mal-aqwa difiża (Juventus) u li bejn wieħed u ieħor akkwistaw l-istess riżultati inkluż il-pussess tal-ballun akkumulat.

Jien fiduċjuż, u int? Niltaqgħu kollha l-klabb nhar is-Sibt 3 ta’ Ġunju, sabiex flimkien naraw din il-logħba storika bejn żewġ timijiet storiċi u che vinca il migliore!!!

Il-klabb qed jaħseb fi proġetti li jistgħu jagħtu prominenza nazzjonali lil dawk li jipparteċipaw fihom. Għalhekk, jekk tixtieq tappoġġja lill-klabb permezz ta’ sponsor, agħmel kuntatt magħna fuq info@juventusmalta.com.

Tixtieq tkun kontributur tas-sit juventusmalta.com u tibda tikteb l-artikli magħna? Agħmel kuntatt fuq admin@juventusmalta.com

dical-banner-1200×280