Issa li beda l-istaġun u għaddew ftit logħbiet nistgħu naraw Juventus fiex qegħdin u fiex waslu. Kulħadd kellu kurżità kif ħa jinżel it-tim t’Allegri wara t-tluq tad-difensur kolonna Leonardo Bonucci u kif ħa jintegraw il-ġodda.

Il-gowler Pollakk, għax eħfef hekk milli nikteb ismu, għamel wirja tajba ħafna kontra Chievo. Mhux Buffon, u ħadd ma jista’ jkun Buffon għax Buffon huwa Buffon, l-aqwa ta’ kull żmien, imma kien sigur dejjem. Kien determinanti fuq freekick diffiċli ta’ Birsa hekk kif il-finta tal-gialloblù gerfxet lil kulħadd. Ikkmanda l-kaxxa tajjeb, mexxa d-difiża sew, u wera wkoll x’jaf b’saqajh. Jaf sibna l-eredi ta’ Gigi.

Id-difiża hija tajba, fis-sens li t-tluq ta’ plejer wieħed mhux ħa jaqleb kollox rasu ’l isfel. Din is-sena huwa ċ-ċans ta’ Rugani biex jibbrilla flok Bonucci, u s’issa sejjer pjuttost tajjeb, is-sena d-dieħla ħa jkun iċ-ċans ta’ Caldara hekk kif jirtira jew jitlaq Barzagli. Hemm bżonn li Benatia jitjieb ftit, però qed ikun sod ukoll. Li hemm bżonn titjieb hija l-fażi tad-difiża inġenerali, jiġifieri l-ftehim bejn id-difensuri nfushom u l-midfield u d-difiża, xi ħaġa li tiġi biż-żmien hekk kif il-plejers jidraw lil xulxin. Il-problema ta’ immur-jiena-jew-tmur-inti għall-ballun toħroġ bejn id-difensuri ċentrali u dawk laterali.

Taffettwa wkoll il-midifeld hekk kif mhux l-ewwel darba li d-difensur laterali u Matuidi joħorġu t-tnejn għall-ballun, jew it-tnejn jistennew lill-plejer ġej għax ma jiftehmux. Xi ħaġa li ġrat bi Pjanić ukoll issa li nbidillu postu. Affarijiet normali, li però jridu jitjiebu kemm jista’ jkun malajr għax Pellissier jaħfer, Messi le. Għalissa xejn inkwetanti, hekk kif Juventus għandhom tliet rebħiet minn tliet logħbiet. L-unika ħaġa ftit inkwetanti hija l-linja leminija hekk kif bejn De Sciglio, Lichtsteiner, u Höwedes qisu ma tantx hemm x’tagħżel. Iż-żmien itina parir.

In-nofs jidher li qiegħed tajjeb ħafna. Is-sostituti, jew dawk li huma suppost sostituti, ikunu titolari f’kull tim tas-Serie A u sostituti mill-inqas f’kull tim fl-Ewropa. Matuidi integra tajjeb ħafna u qed jagħmel xogħol siewi fil-grawnd ta’ ġiri, jirkupra l-blalen u anke jqassam. Pjanić jidher li qed jilgħab ħarira iżjed lura, biex jibda l-manuvra hu, issa li m’hemmx Bonucci reġista. Poizzjoni kemxejn ġdida u differenti minn tas-sena l-oħra. Qisu qed jilgħab fejn kien Pirlo imma iżjed ’il fuq. Imbagħad b’Khedira jew Marchisio ħdejhom, Bentancur li jidher kapaċi jimpressjona, u Sturaro lest jippressa saħansitra lill-ballboys, ikolli ngħid li Juventus għandha wieħed mill-aqwa midfields fl-Ewropa.

Imbagħad fuq quddiem ikolli ngħid li fl-aħħar, wara ma nafx kemm-il sena, Juventus għandha attakk stratosferiku. Dybala qed jilgħab qisu kiel il-faqqiegħa f’Super Mario wara li għamel kors ta’ lezzjonijiet ma’ Ronaldinho. Douglas Costa sturdieni jaqbeż plejers il-ftit li rajtu, Bernardeschi kulħadd jaf x’talent għandu u fuq Mr No Good ma tantx hemm xi ngħid ħlief li hu wieħed mill-aqwa plejers li qatt rajt fuq livell ta’ grinta, tattika, u daqqiet ta’ ras. Higuaín jekk jibqa’ kif inhu, xutt wieħed u gowl, tajjeb. Hemm bżonn li jeħfief naqra fis-sens t’aġilità, imma ballun fil-kaxxa gowl 9 darbiet minn kull 10.

Nemmen bis-sħiħ li Juventus għandhom ċans kbir li jirbħu is-seba’ Scudetto infila. Il-kowċ qiegħed hemm u anke t-tim. Pass wara pass, bil-kalma, u jeħduh. Xi ħaġa li rrid nara mingħand kulħadd hi titjib fiċ-Champions League. Li jemmnu fil-kapaċitajiet tagħhom u jekk naslu Kiev ħadd ma jsir bħall-fantażmi ta’ Pacman.

Il-klabb qed jaħseb fi proġetti li jistgħu jagħtu prominenza nazzjonali lil dawk li jipparteċipaw fihom. Għalhekk, jekk tixtieq tappoġġja lill-klabb permezz ta’ sponsor, agħmel kuntatt magħna fuq info@juventusmalta.com.

Tixtieq tkun kontributur tas-sit juventusmalta.com u tibda tikteb l-artikli magħna? Agħmel kuntatt fuq admin@juventusmalta.com