Il-Juventus Club Malta Cuore Bianconero għandu President ġdid, lil Jean Borg, wara r-riżenja ta’ Omar Busuttil minħabba impenji personali.
L-għażla ta’ Jean Borg kienet waħda ovvja, hekk kif hu wieħed mill-fundaturi tal-klabb u ilu għall-aħħar snin jaqdi l-kariga ta’ Segretarju Ġenerali tal-klabb. Dan minbarra li għandu l-kwalitajiet neċessarji u joffri kontinwità.
Jean Borg inħatar fit-tmexxija tal-klabb b’mod unanimu wara li dawk nominati mill-President uxxenti għażlu li jingħaqdu wara n-nomina ta’ Borg.
Ladarba Jean Borg ġie approvat mill-membri waqt Laqgħa Ġenerali Straordinarja li saret il-Ħadd, inħoloq post vakanti ta’ Segretarju Ġenerali, li se jimtela minn James Mizzi, ukoll bl-approvazzjoni totali tal-membri tal-Kumitat u tal-membri preżenti għall-EGM.
Il-Kumitat jissaħħaħ ukoll bl-introduzzjoni ta’ Saviour Camilleri, li b’hekk jokkupa l-post vakat wara r-riżenja ta’ Omar Busuttil mill-Kumitat.
Sadattant Omar Busuttil se jkompli jassisti lill-Kumitat, iżda mhux bi rwol eżekuttiv. Hu jinħatar awtomatikament President Onorarju, skont l-istatut.

Il-President ġdid tal-klabb, Jean Borg

Omar Busuttil bl-aħħar indirizz tiegħu lill-membri bħala President

L-emozzjoni tiddomina l-Laqgħa Ġenerali Straordinarja





