Waqt il-Laqgħa Ġenerali Annwali (AĠM) tal-Juventus Club Malta Cuore Bianconero, il-membri preżenti vvutaw favur, b’mod unanimu, għan-nomina ta’ Gordon Pace bħala President ġdid tal-klabb.
Dan wara li Jean Borg xtaq iħalli din il-kariga għal raġunijiet personali. Hu kien preżenti għal dan l-AĠM u f’diskors tal-okkażjoni rringrazzja lill-membri tal-klabb u lil dawk tal-kumitat, kif ukoll wiegħed l-għajnuna tiegħu lit-tmexxija tal-klabb.
Fl-istess laqgħa ntalbet ukoll l-approvazzjoni biex Paul Valletta jiġi approvat bħala Viċi President u Peter Paul Cassar jinħatar Segretarju tal-klabb. Iż-żewġ voti għaddew b’approvazzjoni unanima.
Waqt l–istess AĠM li matulu kienu approvati wkoll ir-rapport amministrattiv u dak finanzjarju tal-klabb, ittieħed vot li approva l-ħolqien ta’ kariga ta’ Kap Eżekuttiv.
Għal dan ir-rwol, dawk preżenti approvaw in-nomina ta’ Marlon Hili, li ġie aċċettat b’vot unanimu favur. Hu se jkollu r-responsabbiltà li jżid l-effiċjenza filwaqt li jgħolli l-livell tas-servizzi offruti lill-membri waqt li jiġi żgurat futur finanzjarju b’saħħtu għall-klabb biex ikun sostenibbli minnu nnifsu.
Sadattant il-kumitat issaħaħ ukoll bl-introduzzjoni ta’ Raiza Borg Carr, avukat, li se tassisti lill-klabb bil-gwida tagħha fl-aspett legali tal-operat tiegħu. Jingħaqad mal-kumitat ukoll Francesco Caruana, li se jassisti f’dak li għandu x’jaqsam ma’ disinn u arti grafika ta’ diversi aspetti tal-klabb.
Nieqsa mir-ritratt hemm Raiza Borg Carr, Omar Busuttil, John Sant u Max Zammit għal raġunijiet ta’ xogħol jew raġunijiet personali.