Il-Kumitat tal-Juventus Club Malta Cuore Bianconero jixtieq iserraħ ras il-membri tiegħu dwar diversi servizzi tal-klabb li ġew sospiżi minħabba s-sitwazzjoni kurrenti relatata mal-Covid-19 f’Malta.

Fost dawn ir-refunds lill-membri li kienu ħallew depożitu għal xi logħob li jmiss ta’ Juventus. B’responsabbiltà, il-Kumitat kien waqaf jagħmel pagamenti lil Juventus għal logħob li kien hemm riskju li jitħassru. Dawn il-flus se jintraddu lura ladarba s-sitwazzjoni tirritorna għan-normal u min għandu jirċievi xi pagament lura se jkun ikkuntattjat personalment.

Għall-kuntrajru, il-Kumitat għadu ma rċieva l-ebda komunikazzjoni mingħand Juventus dwar ħlas lura tal-biljetti mixtrija għal-logħob kontra Inter, Lyon u Milan. Il-flus ta’ dawn il-biljetti kienu diġa’ għaddew għand Juventus li s’issa jidher li mhux intenzjonati li jrodduhom lura.

Servizzi oħra, bħall-applikazzjoni tat-Tessera del Tifoso għal dawk li kienu ħallsuha qabel l-għeluq tal-klabb, mhux se jiġu affettwati u l-applikazzjonijiet ġew proċessati b’mod regolari.

Il-klabb irċieva numru ta’ Tesseri del Tifoso li ġew approvati u maħruġa minn Juventus. Dawn se jitqassmu lill-membri ladarba s-sitwazzjoni tirritorna għan-normali. Il-membri li t-Tessera tagħhom tkun waslet, se jiġu kkuntattjati personalment.