Fl-aħħar tal-ġimgħa l-oħra Beppe Marotta ħabbar li Berardi mhux ħa jingħaqad ma’ Juventus, iżda li ħa jagħmel sena oħra ma’ Sassuolo. Ngħid il-verità rrabjajt ħafna x’ħin smajt l-aħbar iżda bħal f’kollox hemm il-posittiv. Infatti, għalhekk ma ktitbx mill-ewwel dwar il-biċċa tax-xogħol, biex nilħaq nikkalma u nirraġuna sewwa.
Ħafna qalu li din kienet deċiżjoni immatura u mhux għaqlija minn naħa ta’ Mimmo. Iżda jien ma naqbilx. Kienet totalment bil-maqlub. Baqa’ ma’ klabb li kiber miegħu u klabb li tefgħu fix-xena internazzjonali. Klabb li wasal fl-Europa League bil-kontribut tiegħu. Jiġifieri qed juri lealtà, kwalità apprezzatissima mis-soċjetà bajda u sewda.
Berardi ddeċieda li jibqa’ fi klabb iżgħar, b’paga inqas u b’ċansijiet ta’ rebħ inqas. Però, issa ħa jkollu ċ-ċans definittiv biex jagħmel il-qabża ta’ kwalità. S’issa dejjem lagħab darba fil-ġimgħa, issa ħa jkollu jilgħab iżjed minn darba fil-ġimgħa. Dan ifisser li ħa jkollu jitgħallem jikkontrolla l-enerġija tiegħu u jisma’ x’qed jgħidlu ġismu. Sas-sena l-oħra kien jagħti 150% kull ġimgħa, imma issa ma jistax. Xi ħaġa li lanqas Messi ma jagħmilha. Infatti Leo qed jidra jaqbeż logħba ‘l hemm u ‘l hawn.
Iżjed minn hekk, ħa jkollu opportunità li Zaza ma kellux. Ħa jidra xi tfisser toqgħod fuq il-bank tas-sostitui. Zaza minn titolarissimu ma’ Sassuolo ġie bħala t-tielet, jekk mhux ir-raba’, attakkant ma’ Juventus. Xi ħaġa li Zaza għadu lanqas draha sewwa – “Dis-sena ħadt ħafna ħafna paċenzja” – frażi li qalha fl-aħħar tal-kampjonat. Berardi ma’ Juventus żgur mhux ħa jkun titolarissimu, allura għandu bżonn jikkultiva ftit il-paċenzja.
Fuq kollox, hekk ħa jieġu esperjenza Ewropea wkoll. Fejn ħa jilgħab preliminari, u nisperaw, anke gruppi. Ħa jibda bir-reċta fl-Istitut Kattoliku mhux mill-ewwel it-Teatru Manoel. F’ottika Ewropea wkoll ħa jkollu jitgħallem jikkontrolla rasu iżjed, għax ir-referis fl-Ewropa huma iżjed stretti.
Fl-aħħar mill-aħħar ma kinitx traġedja daqshekk kbira li ma ġiex Berardi. L-unika problema hija li bit-tluq imminenti u wisq probabbli ta’ Morata, Juventus ħa jispiċċaw bi tliet attakkanti biss. Din is-saga tkompli s-Sajf li ġej. Imma bla dubju, Juventus ħabbtulu diġà darbtejn. Fuq tlieta toqgħod il-borma, u jekk is-sena d-dieħla ma jiġix, ma naħsibx li Juventus jerġgħu jgħidulu biex jiġi. Ikun tilef il-ferrovija għas-suċċessi.