Wara li nhar l-Erbgħa Juventus għelbu lit-tim promoss ta’ Crotone barra minn darhom, illum ġewwa Stadio Sant’Elia Juventus affrontaw lit-tim ta’ Cagliari. Din kienet it-tielet logħba f’temp ta’ 7 ijiem li Juventus lagħbu. Wara li l-eqreb rivali ta’ Juventus rebħu l-partiti tagħhom rispettivament, kien importanti li Juventus joħorgu bit-tliet punti biex iżommu l-vantaġġ ta’ 7 punti.

Massimiliano Allegri żamm l-istess sistema ta’ 4-2-3-1. Buffon iddefenda l-lasta, bl-erba’ difensuri jkunu Lichtsteiner, Bonucci, Chiellini u Alex Sandro. Quddiem id-difiża kien hemm ir-ritorn mal-ewwel ħdax ta’ Marchisio flimkien ma’ Khedira. It-tlieta ta’ quddiemhom kienu Juan Cuadrado, Paulo Dybala u Mario Mandžukić. L-attakkant prinċipali kien is-solitu Higuaín.

It-tim ta’ Cagliari ħareġ aħjar fl-ewwel taqsima fejn ħargu aggressivi ħafna u jiġġieldu għal kull ballun iżda l-ewwel azzjoni waslet minn Juventus meta Juan Cuadrado tefa’ kross mil-lemin lejn Mario Mandžukić, però d-difensur ta’ Cagliari kklirja l-ballun eżatt qabel jilħqu Mandžukić. Minuta wara, minn korner ta’ Di Gennaro ta’ Cagliari, kien hemm l-għajta tal-penalty fejn Alex Sandro deher iwaqqa’ lil Dessena fil-kaxxa iżda r-referee ħalla l-logħob għaddej.

Fl-14-il minuta Cagliari ngħataw freekick minn barra l-kaxxa li Bruno Alves inkariga ruħu minnu però t-tentattiv tiegħu għadda barra mingħajr problemi għal Buffon. Kien daqsxejn mument nervuż dan il-ħin għat-tim ta’ Juventus fejn f’temp ta’ tliet minuti Lichtsteiner u Chiellini rċevew karta safra kull wieħed. Fit-18-il minuta Allegri kien sfurzat jagħmel l-ewwel sostituzzjoni meta Chiellini deher li kien muġugħ u ma setax ikompli l-partita biex postu ħadu Daniele Rugani.

Fit-28 minuta freekick minn fuq il-lemin kważi fejn il-bandiera tal-korner, Dybala b’xutt dirett lejn Gabriel li salva tajjeb mingħajr diffikulta. Fis-36 minuta wasal l-ewwel gowl tal-partita. Kien pass eċċellenti ta’ Claudio Marchisio li qata’ d-difiża ta’ Cagliari u żmarka lil Gonzalo Higuaín fejn għeleb in-nasba tal-offside u b’xutt mill-ewwel tefa’ wara Gabriel u lil Juventus fil-vantaġġ.

L-aħħar azzjoni tal-ewwel taqsima waslet minn saqajn Cuadrado meta avvanza fuq il-lemin, qata’ lejn in-nofs u ttanta xortih b’xutt li mar ferm għoli. Għalkemm Juventus daħlu jistrieħu b’gowl vantaġġ, il-prestazzjoni tagħhom kienet ftit ineżistenti għaliex kienu daqsxejn traskurati anke fil-passes tagħhom però l-iktar ħaġa importanti u li jgħodd kien il-gowl u l-ewwel taqsima li ntemmet bl-iskor ta’ 0-1 favur iċ-Champions Taljani.

Fit-tieni taqsima Juventus ma setgħux kellhom bidu aħjar milli kellhom. Fis-47 minuta wasal it-tieni gowl u d-doppjetta personali ta’ Higuaín. Ballun fit-tul lejn Cuadrado li ħafna ħasbu li kien impossibbli li jilħqu iżda l-Kolombjan għamlu possibbli u laħaq il-ballun fejn kompla lejn Dybala li b’one touch kompla lejn il-Pipita u tefa’ l-ballun fix-xibka għat-tieni darba fil-partita. Kienet azzjoni maħduma tajjeb ħafna mill-attakkanti Juventini.

L-ewwel azzjoni ta’ Cagliari fit-tieni taqsima waslet fis-60 minuta meta Borriello ttanta xortih b’xutt minn kważi barra l-kaxxa iżda l-mira tiegħu kienet żbaljata. Żewg minuti wara waslet l-ewwel sostituzzjoni għat-tim ta’ Cagliari. Il-captain Dessena ħalla l-grawnd biex floku daħal Ionita. Fit-63 minuta Isla pprova jaħsad lil Buffon iżda x-xutt tiegħu għadda ftit għoli.

Tliet minuti wara waslet it-tieni sostituzzjoni għat-tim ta’ Allegri meta Miralem Pjanić daħal minflok l-awtur tal-assist tal-ewwel gowl, Claudio Marchisio. Kienu preċiżament sekondi wara meta Pjanić kien involut mill-ewwel fejn sofra tackle daqsxejn kerha ta’ Barella fejn dan tal-aħħar ġie muri t-tieni karta safra u Cagliari spiċċaw jilagħbu b’10 plejers.

Fil-71 minuta assistejna għal kapolavur min-numru wieħed ta’ Juventus. Kien xutt b’saħħtu ta’ Pisacane minn barra l-kaxxa ta’ Juventus fejn Gianluigi Buffon tar u b’save brillanti żamm lil Juventus biex ma jsofrux gowl. Minuta wara kien kontrattakk minn fuq in-naħa tal-lemin fejn Cuadrado avvanza tajjeb u tefa’ kross fejn daqqa ta’ ras tal-Kroat Mandžukić laqtu ħażin u l-ballun baqa’ sejjer barra.

Żewġ minuti wara Juventus reġgħu kienu fl-azzjoni meta kross din id-darba minn fuq ix-xellug minn Sandro għadda tajjeb lejn l-awtur taż-żewġ gowls Higuaín li x-xutt tiegħu mar barra. Fil-75 minuta waslet it-tieni sostituzzjoni għal Cagliari fejn Borriello ħalla l-grawnd biex postu mlieh l-eks Roma Ibarbo. Fis-77 minuta Bruno Alves mar viċin li jdaħħal lil Cagliari fil-logħba meta minn freekick sabiħ ħalla lil Buffon iħares u mar ftit barra.

Erba’ minuti wara kien imiss lill-eks Juventin Padoin biex jidħol fil-partita. Hu ħa post Pisacane. Fis-86 minuta freekick minn barra l-kaxxa, Dybala nkariga ruħu minnu li għadda ftit għoli mil-lasta ta’ Gabriel. Minuta wara kross ta’ Lichsteiner minn fuq il-lemin indirizzat lejn Mandžukić iżda r-referee saffar fawl meta l-Kroat deher jimbotta lid-difensur ta’ Cagliari.

Fid-90 minuta reġa’ kien protagonist Mandžukić fejn minn kross ta’ Cuadrado bid-daqqa ta’ ras tiegħu laqat il-mimduda u mir-rebound bi flying header ta’ Dybala, Gabriel wettaq miraklu u laqa’ l-ballun li ma qabiżx il-linja. Minuta fuq il-ħin regolari Juventus wettqu l-aħħar sostituzzjoni fejn Mario Lemina daħal flok Paulo Dybala

B’hekk il-partita ntemmet bl-iskor ta’ 0-2 favur Juventus li ta’ min ngħidu li fit-tieni taqsima l-Bianconeri kienu ħafna aħjar mill-ewwel taqsima fejn nifhmu wkoll li din kienet it-tielet logħba f’ġimgħa u l-għeja bla ma trid tidħol ukoll.

Tliet punti prezzjużi wara li Roma u Napoli rebħu l-logħbiet tagħhom biex b’hekk Juventus żammew il-vantaġġ ta’ seba’ punti. L-appuntament li jmiss għal Juventus huwa nhar il-Ġimgħa li ġej fil-Juventus Stadium kontra t-tim ta’ Palermo.

SALUTATE LA CAPOLISTA!

dical-banner-1200×280