L-eks plejer ta’ Juventus Claudio Marchisio, li jilgħab għat-tim nazzjonali Taljan, se jkun f’pajjiżna bejn il-11 u t-13 t’Ottubru li ġej biex jipparteċipa f’sensiela ta’ attivitajiet organizzati mill-Juventus Club Malta Cuore Bianconero.

Dettalji ta’ din iż-żjara ngħataw waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-bini tal-klabb, fil-Marsa, fejn il-President Marlon Hili nnota li għall-ewwel darba wara snin twal, il-Juventini Maltin se jkunu jistgħu jgawdu idolu tagħhom li għadu jilgħab.

Qal li din iż-żjara hi frott snin twal ta’ ħidma mill-Kumitat bl-għan li titwettaq ħolma tal-Juventini Maltin. Qal li fl-aħħar ġimgħat il-ħbiberija tal-Kumitat ma’ Claudio Marchisio, u r-reputazzjoni li dan il-klabb kiseb fuq livell internazzjonali, issa qed iħallu l-frott.

Biż-żjara tiegħu li se tinkludi żjarat diversi madwar Malta, għall-Juventini Maltin se tiġi organizzata serata f’lukanda ewlenija f’Tas-Sliema u li se tkun miftuħa għall-Juventini Maltin kollha, anke dawk li mhux membri tal-klabb.

Dawk kollha li jattendu se jkollhom l-opportunità li jieħdu ritratt uffiċjali mal-plejer kif ukoll jiksbu l-firma tiegħu fuq oġġett tal-għażla tagħhom.

Il-klabb ħabbar li l-prezzijiet għal din l-attività saru bl-iskop li jkunu affordabbli għal kulħadd tant li l-biljetti qed jinbiegħu biss għal €75 għall-membri u €90 għal min mhux membru tal-klabb.