Wara r-rebħa fid-Derby d’Italia kontra Inter, Juventus kien imisshom li jaffrontaw lit-tim promoss ta’ Crotone ġewwa l-grawnd Ezio Scida li jesa’ t-total ta’ 16,574 spettatur. Bħal kull logħba oħra, it-tliet punti kienu imperattivi għal Juventus biex ikabbru l-vantaġġ għal seba’ punti fuq l-eqreb rivali Roma u Napoli.

Il-kowċ ta’ Juventus Massimiliano Allegri reġa’ żamm il-formazzjoni ta’ 4-2-3-1 iżda kif kien mistenni kien hemm xi tibdiliet fil-formazzjoni inizjali. Gianluigi Buffon iddefenda l-lasta Juventina, l-erba’ difensuri kienu Dani Alves fuq il-lemin, Kwadwo Asamoah fuq ix-xellug filwaqt li l-koppja ċentrali llum kienet iffurmata minn Leonardo Bonucci u Daniele Rugani. Iż-żewġ plejers ta’ quddiem id-difiża kienu Sami Khedira u Tomás Rincón. It-tliet plejers ta’ quddiemhom kienu ż-żewġ Kroati Marko Pjaca u Mario Mandžukić flimkien ma’ Paulo Dybala. L-attakkant ewlieni kien l-Arġentin bin-numru 9 Gonzalo Higuaín. It-tim ta’ Crotone rrispondew bil-formazzjoni 4-4-2. Cordaz fil-lasta, l-erba’ difensuri kienu Rosi, Ceccherini, Ferrari u Mesbah. L-erba’ midfielders kienu Sampirisi, Barberis, Capezzi u Stoian filwaqt li ż-żewġ attakkanti kienu Falcinelli u Tonev.

L-ewwel azzjoni tal-logħba waslet mit-tim ta’ Juventus fir-4 minuta meta Pjaca għadda lejn Dani Alves iżda l-kross tal-Brażiljan kien totalment żbaljat u l-azzjoni ntemmet ħesrem. Fit-8 minuta pass ta’ Kwadwo Asamoah lejn Paulo Dybala li għalkemm kien issikkat mid-difensuri ta’ Crotone, ittanta xortih b’xutt li kien ftit fjakk li Cordaz ma kellux problemi jsalva. Fit-12-il minuta kien Sami Khedira li tefa’ ballun tajjeb fil-kaxxa destinat lejn Marko Pjaca iżda l-Kroat kien sekonda tard u ma laħaqx l-ballun. Fit-18-il minuta Higuaín dar tajjeb mad-difensur iżda x-xutt tiegħu ġie salvat mingħajr problemi minn Cordaz. Fit-23 minuta Dybala reġa’ mar viċin meta b’kombinazzjoni tajba mal-kompatrijott tiegħu Higuaín, ix-xutt tiegħu ġie salvat tajjeb mill-goalkeeper ta’ Crotone.

Fil-31 minuta reġgħu kienu protagonisti Dybala u Higuaín, meta n-numru 21 ta’ Juventus tefa’ pass tajjeb mil-lemin lejn il-Pipita iżda dan tal-aħħar laqat il-ballun ħażin u falla l-mira. Żewġ minuti wara kien hemm l-għajta tal-penalty mill-plejers Juventini meta Dybala twaqqa’ fil-kaxxa minn Mesbah iżda r-referee ordna biex tkompli l-partita. Fil-35 minuta kompliet il-kombinazzjoni tal-Arġentini meta Dybala għadda tajjeb lejn Higuaín iżda x-xutt tiegħu ġie salvat minn Cordaz. Fit-43 minuta waslet l-ewwel azzjoni ta’ Crotone meta Capezzi b’xutt min barra l-kaxxa għadda barra mingħajr ebda problemi għan-numru wieħed ta’ Juventus, Buffon. Minuta qabel spiċċat l-ewwel taqsima wasal l-iktar ċans perikoluż għal Juventus fl-ewwel taqsima. Kien kross mil-lemin tal-Brażiljan Dani Alves fejn għola tajjeb Pjaca li b’daqqa ta’ ras mill-ewwel Cordaz ġab save tajjeb iżda mir-rebound ix-xutt ta’ Dybala ġie mtajjar minn fuq il-linja mid-difensur Ferrari.
B’dik l-azzjoni ntemmet l-ewwel taqsima fost frustrazzjoni mill-plejers Juventini li ma setgħu jinfdu b’xejn id-difiża ta’ Crotone li għalkemm il-pussess tal-ballun kien 75% favur Juventus kontra il-25% ta’ Crotone, il-gowl baqa’ ma wasalx.

Fit-tieni taqsima Juventus baqgħu fil-kmand assolut tal-logħba u l-ewwel azzjoni waslet fil-50 minuta meta Dani Alves ikkrossja fil-kaxxa, il-ballun wasal għand Pjaca li wara li dar mad-difensur, il-ballun deher li miss ma’ id id-difensur fost protesti mill-istess Pjaca bir-referee jħalli l-logħob għaddej. Fil-55 minuta reġa’ kien fl-azzjoni Pjaca meta dendel kross fil-kaxxa li wasal għand sieħbu l-Kroat Mandžukić li kif dar mad-difensur u ħa jixxuttja kien hemm is-sinjalazzjoni ta’ offside.

Fil-57 minuta Khedira ippassja lejn Mandžukić li bi kross sabiħ fuq ras Higuaín, id-daqqa ta’ ras tiegħu ġiet salvata min-numru wieħed ta’ Crotone. Tliet minuti wara, mas-siegħa logħob, wasal dak li l-Juventini riedu li jiġi, l-ewwel gowl.
Kien kross tajjeb ta’ Dani Alves li għola minn fuq kulħadd Kwadwo Asamoah li d-daqqa ta’ ras tiegħu ġiet salvata minn Cordaz u mir-rebound daħal pront Mario Mandžukić li b’tap-in tefa’ lil Juventus fil-vantaġġ. Dan il-gowl żgur li kien mistħoqq għal dan il-plejer wara l-prestazzjonijiet tajbin li kellu fl-aħħar logħbiet.

Fit-62 minuta kien imiss azzjoni ta’ Crotone meta minn freekick fi tliet kwarti ta’ grawnd, għola tajjeb Falcinelli li b’daqqa ta’ ras tajba, Buffon għamel l-ewwel save tiegħu tal-partita. Fid-69 minuta ż-żewġ timijiet għamlu l-ewwel sostituzzjoni tagħhom. Għat-tim ta’ Juventus ħalla l-pitch Sami Khedira u daħal minfloku Miralem Pjanić, filwaqt li għal Crotone ħalla l-grawnd Sempirisi u daħal minfloku l-plejer Acosty.

Ħames minuti wara wasal it-tieni gowl tal-partita għal Juventus. Kien inseriment tajjeb ta’ Tomás Rincón li żmarka lil Gonzalo Higuaín li wara li dar mal-goalkeeper tefa’ fix-xibka biex prattikament serraħ ras kulħadd li t-tliet punti kienu se jmorru għal Juventus. Minuta wara kien hemm l-għajta tal-penalty din id-darba mit-tim ta’ Crotone fejn Rugani deher iwaqqa’ lill-attakkant Falcinelli fil-kaxxa però għal darb’oħra r-referee ħalla l-logħob għaddej.

Fis-76 minuta Pjaca ttanta xortih b’xutt mix-xellug tal-kaxxa l-kbira iżda x-xutt kien ċentrali bla problemi għal Cordaz. Fis-77 minuta ż-żewġ timijiet għamlu t-tieni sostituzzjoni tagħhom meta għal Juventus daħal Barzagli flok Dani Alves u għall-avversarji daħal Trotta flok Tonev. Fit-80 minuta, Capezzi għal Crotone ttanta xortih b’xutt minn barra l-kaxxa li Buffon salva tajjeb. Fl-84 minuta waslet l-aħħar sostituzzjoni għal Crotone meta Falcinelli ħalla l-grawnd u Suljic daħal minfloku.

Ftit sekondi wara Pjanić mar viċin li jiskurja t-tielet gowl meta minn kross ta’ Barzagli, xutt bomba tal-midfielder mill-Bożnija ħabat mal-lasta l-mimduda. Minuta wara l-istess Pjanić tefa’ ballun fit-tul biex żmarka lil Higuaín li bix-xutt tiegħu mill-ewwel tefa’ l-ballun għoli mil-lasta ta’ Crotone. Fit-88 minuta Allegri wettaq l-aħħar sostituzzjoni meta Pjaca ħalla l-grawnd biex floku daħal it-Taljan Stefano Sturaro.

B’hekk il-partita ntemmet bl-iskor ta’ 0-2 favur it-tim ta’ Juventus biex b’dan ir-riżultat il-Bianconeri fetħu vantaġġ ta’ 7 punti fuq it-tim tat-tieni post Roma. Dan ir-riżultat kien ifisser ukoll li din kienet ir-raba’ logħba konsekuttiva fil-kampjonat li Juventus ma sofrewx gowl. L-appuntament li jmiss għat-tim ta’ Juventus huwa nhar il-Ħadd fid-20.45 away kontra t-tim ta’ Cagliari.

SALUTATE LA CAPOLISTA!

dical-banner-1200×280