Fl-aħħar jiem il-membri tal-Kumitat kienu għaddejjin b’ħidma bla waqfien biex minn hawn u ftit taż-żmien ieħor titlesta l-inizjattiva The 300.

Din l-inizjattiva saret matul l-istaġun li għadda, fejn il-klabb appella biex jinstabu 300 persuna li jagħtu donazzjoni lill-klabb. Bil-flus, tlestew proġetti importanti kif ukoll il-mixja lejn is-sede l-ġdida tal-klabb, waqt li dawk li kkontribwew kisbu d-dritt li jkollhom isimhom imnaqqax fuq ħajt tal-klabb b’mod permanenti.

Issa li tlesta xi xogħol infrastrutturali, ġie identifikat il-ħajt fejn The 300 se tingħata prominenza, waqt li se jkun hemm ukoll sorpriża għal dawk li jifformaw parti mill-inizjattiva.

Iktar dettalji jingħataw fil-jiem li ġejjin.