Almamy Toure, Jemerson, Glik u Mendy. Dawn huma l-plejers li wisq probabbli għada se jkunu qed jiddefendu lil Danijel Subašić mill-attakki ta’ Dybala u sħabu.

Dawn l-ismijiet żgur mhumiex se jbeżżgħu lill-attakkanti Juventini, partikolarment lil Jemerson li spiss sab ruħu f’diffikultà iktar kmieni f’din il-kompetizzjoni. Apparti minn hekk, fil-UEFA Champions League id-difiża ta’ Monaco qalgħet medja ta’ 1.6 gowl f’kull partita, li tittraduċi ruħha f’16-il gowl f’għaxar logħbiet. Dawn meta mqabbla ma’ Barcelona li qalgħu 1.2 gowl f’kull partita. U lkoll nafu kemm sabet ruħha f’diffikultà d-difiża tal-Katalani kontra Juventus.

Għaldaqstant, dawn in-numri kollha juru li Juventus m’għandhomx isibu xi diffikultà partikolari biex jinfdu d-difiża avversarja. Apparti minn hekk, meta wieħed iħares lejn xi gowls li qalgħu Monaco, in-nuqqas ta’ marking effettiv fil-kaxxa u n-nuqqas ta’ komunikazzjoni bejn id-difensuri hija karatteristika li spiss tirrepeti ruħha. Nittamaw li lanqas ma jkollhom risposta għall-movimenti inċiżivi tal-hekk imsejħa Fab 4.

Minkejja dan kollu, tajjeb insemmu li d-difiża ta’ Monaco hija ferm perikoluża fl-attakk. S’issa, matul dan il-kampjonat, jekk mal-erbgħa difensuri msemmija wieħed iżid lil Fabinho, difensur lemini li ġibed l-attenzjoni ta’ bosta klabbs kbar, id-difiża tal-Franċiżi skurjat 21 gowl b’kollox, b’erbgħa minnhom jaslu fiċ-Champions League. Fost l-iktar perikolużi bid-daqqiet ta’ ras hemm l-eks Torino Kamil Glik.

Għalhekk, meta wieħed iqis kollox, jirraġuna li minkejja li qegħdin nitkellmu dwar id-difiża, huwa iktar probabbli li tagħti wġigħ ta’ ras lid-difiża Juventina, speċjalment fis-set pieces, milli biex twaqqaf l-attakki tal-Bianconeri. S’issa hekk kien, u nittamaw li għada jkun l-istess, għax kull gowl away jiswa mitqlu deheb.

Il-klabb qed jaħseb fi proġetti li jistgħu jagħtu prominenza nazzjonali lil dawk li jipparteċipaw fihom. Għalhekk, jekk tixtieq tappoġġja lill-klabb permezz ta’ sponsor, agħmel kuntatt magħna fuq info@juventusmalta.com.

Tixtieq tkun kontributur tas-sit juventusmalta.com u tibda tikteb l-artikli magħna? Agħmel kuntatt fuq admin@juventusmalta.com

dical-banner-1200×280