Tispiċċa l-istrixxa ta’ imbattibbiltà għat-tim tal-Primavera mmexxi minn Fabio Grosso, hekk kif il-Ħadd waranofsinhar huma tilfu 3-2 kontra s-Sassuolo, wara li anke kienu 0-1 minn fuq.

Fl-ewwel taqsima, it-tim ta’ Juventus kien dominanti u wara sitt minuti ċ-Ċiprijott Grigoris Kastanos tefa’ fil-vantaġġ lill-bianconeri b’xutt li ġie devjat minn avversarju. Madankollu, minkejja s-superjorità ta’ Juventus, l-avversarji qatt ma dehru li ċedew l-armi, anzi lejn l-aħħar tat-taqsima dehret xi ftit ir-reazzjoni tagħhom.

Fit-tieni taqsima, Juventus kellhom żewġ tentattivi fuq il-lasti avversarji fejn iżda ma rnexxilhomx jirduppjaw l-iskor, biex Sassuolo approfittaw minn dan hekk kif ġabu d-dro fit-62 minuta grazzi għal gowl ta’ Pierini li xeħet ġewwa ballun illi Audero ma salvax sew. Il-partita baqgħet missielta biż-żewġ naħat jibqgħu jattakkaw sabiex imorru fil-vantaġġ, iżda l-protagonist tal-partita kien xejn inqas minn Adjapong illi bejn is-67 minuta u t-78 minuta skurja doppjetta sabiex tefa’ lis-Sassuolo minn fuq b’żewġ gowls vantaġġ.

Kastanos naqqas id-distakk għal Juventus fl-aħħar minuti tal-partita u hekk kif ir-referi kien se jsaffar it-tisfira finali, Juventus għal ftit ma rnexxilhomx ‘jisirqu’ punt hekk kif xutt ta’ Pol Lirola għadda jħakkek minn mal-lasti. Telfa mhux meritata għad-determinazzjoni u logħob li wrew iż-żagħżagħ Juventini, iżda fl-istess ħin meritata għall-fatt li ma rnexxilhomx jissiġillaw ir-rebħa fl-ewwel taqsima, fejn ħlew ħafna okkażjonijiet ta’ gowls.

L-ewwel XI: Audero; Lirola, Coccolo (83’ Pozzebon), Cassata, Romagna (C), Blanco, Macek, Kastanos, Vadala (69’ Morselli), Clemenza, Di Massimo.