Il-kowċ u awtur Taljan Fabio Nicolè, iben l-eks plejer ta’ Juventus Bruno Nicolè, wasal f’Malta ftit tal-ħin ilu u ntlaqa’ fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta mill-President Jean Borg.

Fabio hu iben il-leġġenda ta’ Juventus Bruno Nicolè li bejn l-1957 u l-1963 lagħab 141 logħba għal Juventus u skurja 47 gowl. Dan ifisser medja ta’ gowl kull tliet logħbiet minkejja li kien sostitut ta’ leġġendi oħra bħal John Charles, Omar Sívori u Giampiero Boniperti.

L-attivitajiet f’Malta qed isiru wkoll bi sħab man-nursery ta’ Fgura United. Fil-fatt Nicolè se jieħu sehem f’diversi attivitajiet f’Malta fosthom żjara lil tfal morda fl-Isptar Mater Dei. Hawn Fabio se jakkumpanja lil tfal tan-nursery ta’ Fgura United.

Is-Sibt 23 ta’ Diċembru, fil-klabb tal-Juventus Club Malta Cuore Bianconero, issir konferenza tal-aħbarijiet fejn ikunu mistiedna l-membri tal-midja. Hawn Nicolè se jippreżenta l-ktieb tiegħu, li jġib isem missieru, u jkollu diversi intervisti.

Wara żjarat privati, fosthom fil-mużew Juventin immexxi minn Noel Borg, filgħaxija tas-Sibt 23 ta’ Diċembru, Fabio Nicolè se jkun qed jara l-logħba bejn Juventus u Roma fost il-membri fil-klabb. Bħal dejjem, id-dħul fil-klabb se jkun b’xejn iżda tintalab donazzjoni ta’ €2 għal dawk li mhux membri.

Il-Ħadd hu se jattendi n-nursery ta’ Fgura United fejn se jorganizza workshop fost il-coaches u wara se jmexxi sessjonijiet ta’ taħriġ mat-tfal, bil-qligħ kollu jmur għall-Istrina 2017.