Il-ġurnalist u kowċ Taljan Fabio Nicolè se jkun f’pajjiżna fi tmiem Diċembru fuq stedina tal-Juventus Club Malta Cuore Bianconero.

Fabio hu iben il-leġġenda ta’ Juventus Bruno Nicolè, li bejn l-1957 u l-1963 lagħab 141 logħba għal Juventus u skurja 47 gowl. Dan ifisser medja ta’ gowl kull tliet logħbiet minkejja li kien sostitut ta’ leġġendi oħra bħal John Charles, Omar Sívori u Giampiero Boniperti.

Bejn it-22 u l-24 ta’ Diċembru, Nicolè se jieħu sehem f’diversi attivitajiet f’Malta fosthom żjarat fl-Isptar Mater Dei fost it-tfal morda, liema żjara qed issir bi sħab man-nursery ta’ Fgura United.

Minbarra li jippreżenta l-ktieb tiegħu li jġib isem missieru stess, Fabio Nicolè se jara l-logħba bejn Juventus u Roma tas-Sibt 23 ta’ Diċembru fost il-membri fil-klabb.

Iż-żjara se tkun possibbli grazzi għal Stem Cells Malta Ltd, Topaz Hotel u Arrigo Group Ltd.