Staġun 1985-86. Ċertament wieħed mill-iktar kampjonati li jibqa’ fil-memorja ta’ kull Juventin huwa dak tal-istaġun 2001-02. Kien kampjonat li ntrebaħ fl-aħħar ġurnata tal-kampjonat u ntrebaħ kontra kull stennija. Biss din ma kinitx l-unika darba li Juventus rebħu kampjonat fl-aħħar ġurnata.

L-istaġun 1985-86 jibqa’ mfakkar għall-mod kif Juventus ħadu l-unur minn taħt imnieħer ir-rivali Roma.

Wara li fl-istaġun ta’ qabel Juventus kienu rebħu t-Tazza taċ-Champions fil-logħba traġika ta’ Heysel, il-Bianconeri kienu għamlu daqsxejn ta’ rivoluzzjoni fl-iskwadra waqt is-sessjoni tas-suq tat-trasferimenti tas-sajf.

Tneħħew tliet pedini ferm importanti tat-tim, jiġifieri Paolo Rossi, Boniek u Tardelli. Bħala t-tieni stranġier tat-tim kien wasal id-Daniż Michael Laudrup waqt li Aldo Serena kien ġie akkwistat mingħand ir-rivali Torino biex jimla l-vojt li ħalla fl-attakk it-tluq ta’ Rossi.

Meta kien għad fadal biss żewġ logħbiet għal tmiem il-kampjonat, Juventus u Roma kienu qegħdin flimkien fil-quċċata tal-klassifika. Il-logħob li kien fadal kien juri li Roma kellhom ftit ta’ vantaġġ għax iż-żewġ logħbiet li kien fadlilhom kienu kontra Lecce (tim li kien diġà relegat) ġewwa l-Olimpico u kontra Como. Juventus kellhom logħba diffiċli kontra Milan ġewwa Turin u kienu sejrin jagħlqu l-aħħar ġurnata tal-kampjonat kontra Lecce.

Fl-20 ta’ April ġara dak li ftit kienu qed jistennew. Roma tilfu sorprendentement kontra Lecce bl-iskor ta’ 3-2 waqt li Juventus irnexxielhom jegħlbu lil Milan 1-0 b’gowl ta’ Laudrup.

Fl-aħħar logħba, draw kien biżżejjed biex Juventus jirbħu it-tnejn u għoxrin Scudetto.

Ta’ min isemmi li l-logħba ġewwa Lecce kellha tkun l-aħħar logħba ta’ Giovanni Trapattoni bħala kowċ ta’ Juventus wara perjodu ta’ għaxar snin, billi fis-sajf ta’ wara huwa ngħaqad mat-tim ta’ Inter. It-Trap irritorna fuq il-bank ta’ Juventus mill-istaġun 1991-92.

Insegwu filmat tal-logħba kontra Lecce.