Staġun 2007-08. Rebħa li s-sinifikat tagħha jmur ferm iktar mit-tliet punti miksuba.

Fl-aħħar logħba ta’ Juventus f’San Siro qabel it-terremot ta’ Calciopoli. Juventus kienu ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 2-1 grazzi għall-gowls minn Ibrahimovic u freekick mill-isbaħ ta’ Del Piero.

Għaddew sentejn. Juventus jirritornaw fis-Serie A wara sena fil-purgatorju fis-Serie B. It-tim Juventin ġie trasformat meta tilef is-servizzi ta’ plejers bħal Cannavaro, Zambrotta, Mutu, Emerson u Thuram. Ibrahimovic u Vieira mhux talli m’għadhomx jilbsu l-flokk abjad u iswed, imma talli ngħaqdu mar-rivali kbar tagħna.

Fuq il-bank Juventin m’għadx hemm Fabio Capello, anzi Claudio Ranieri daħal fit-tmexxija tat-tim wara s-sena ta’ Didier Deschamps.

Ir-rivalità bejn iż-żewġ timijiet u l-partitarji tagħhom laħqet livelli għoljin ħafna anke minħabba dak li ġara fis-sajf tat-2006 u s-sentenzi ta’ Calciopoli.

Fit-22 ta’ Marzu, Juventus irritornaw għall-ewwel darba f’San Siro wara Calciopoli bl-intenzjoni li juru ċar u tond li l-futbol jintlagħab u l-logħob jintrebaħ fil-grawnd u mhux fuq il-gazzetti, fil-programmi televiżivi jew quddiem il-maġistrati.

Ir-risposta tingħata b’mod ċar u tond.