Staġun 2002-03. Juventus għaddejjin minn staġun ferm pożittiv, mhux biss fil-kampjonat imma anke fil-kompetizzjoni taċ-Champions League.

Is-sistema taċ-Champions League f’dawk is-snin kienet tipprevedi li wara l-ewwel rawnd bejn erba’ timijiet, min jikkwalifika jerġa’ jittella’ fi grupp ieħor ta’ erba’ timijiet.

Hawn Juventus itellgħu mat-timijiet ta’ Manchester United, Deportivo de La Coruña u Basel. Il-Bianconeri spiċċaw fit-tieni post f’dan il-grupp, fejn spikkat ħafna s-saħħa ta’ Manchester United.

Fil-kwarti tal-finali l-polza tellgħet lil Juventus mat-tim Spanjol ta’ Barcelona. Ir-riżultat tal-ewwel logħba li saret f’Turin ma tantx kien ta’ vantaġġ għall-Bianconeri billi l-logħba kienet intemmet fi draw ta’ 1-1.

Insegwu dak li ġara fil-logħba ta’ ritorn li saret fin-Nou Camp bħal-lum tlettax-il sena. Niftakru li biex jikkwalifikaw għas-semifinali, Juventus riedu jirbħu l-logħba jew inkella jiġu draw u jiskurjaw mill-inqas żewġ gowls.