Doppjetta ta’ Guido Vadalà fit-tieni taqsima kienet biżżejjed għal Juventus fl-ewwel ħarġa tagħhom fit-68 edizzjoni tat-turnew ta’ Viareggio kontra l-klabb Arġentin ta’ Deportivo Camioneros.
Partita li forsi kontra kull mistenni, kienet diffiċli għat-tim immexxi minn Fabio Grosso fejn it-tim Arġentin ibbaża l-logħba tiegħu fuq is-saħħa bil-logħba tirriżulta f’waħda gwerriera iżjed milli tattika.
Fl-ewwel taqsima, il-partita ftit li xejn offriet emozzjonijiet, b’Deportivo Camioneros ikunu l-iżjed perikolużi hekk kif xutt ftit qabel l-ewwel taqsima minn Agurar, kważi tefa’ lis-Sud Amerikani fil-vantaġġ.
Madankollu, Juventus ħarġu aħjar fit-tieni taqsima u wara tliet minuti, il-bomber Pozzebon laqat il-lasta bi ġmiel ta’ xutt, bil-ballun jaqa’ f’saqajn Vadalà li mingħajr ma ħasibha darbtejn, tefa’ l-ballun fix-xibka biex fetaħ l-iskor għall-bianconeri.
Ftit minuti wara, Pozzebon u Vadalà jerġgħu jkunu protagonisti hekk kif filwaqt li tal-ewwel rebaħ penalti, l-Arġentin ikkonverta mill-ħdax-il metru sabiex issiġilla r-rebħa għal Juventus.
It-tim Arġentin sar iżjed nervuż mal-ħin, tant illi spiċċa l-partita bi tmien plejers, hekk kif tkeċċewlhom tliet plejers qabel it-tisfira finali.
Bidu pożittiv għat-tim immexxi minn Fabio Grosso, bil-konfront li jmiss nhar l-Erbgħa kontra Crotone.
Segwina wkoll fuq Facebook, fil-paġna uffiċjali tagħna, kif ukoll fuq Instagram u Twitter.