Għaddew għaxar snin minn meta Juventus ġew imniżżla fis-Serie B. Kulħadd jiftakar kif qabel din l-aħbar kerha ta’ Calciopoli, kellna waħda mill-aqwa skwadri fl-Ewropa u hekk kif plejers bħal Ibrahimović, Cannavaro, Zambrotta, Thuram, Emerson u iktar pedini importanti ħallew l-iskwadra tagħna u l-multa inġusta li Juventus kellhom iħallsu, il-proġett li kellna sfaxxa fix-xejn.
F’għaxar snin rajna ħafna maltemp f’Turin, hekk kif ridna nibdew kollox mill-ġdid. Minn akkwisti bħal Felipe Melo b’€25 miljun, Amauri u Diego bl-istess ċifri u numru ta’ plejers medjokri oħra. Madankollu, fil-proġett ġdid tagħna, issa sirna naraw plejers bħal Dani Alves jiġi b’xejn mingħand l-aqwa skwadra fl-Ewropa, Pjanić mingħand ir-rivali tagħna u jħallas parti mill-klawżola hu stess, Benatia plejer difensur ta’ stoffa Ewropea, u l-akkwist imminenti ta’ Pjaca.
U ħafna jistaqsu: Min se jwaqqaf lil Juventus minn dan id-dominju fl-Italja? Napoli? Inter? Milan? Jew forsi Roma? Jew inkella forsi Calciopoli oħra? Possibbli wara li Juventus kienu qed jibnu proġett mill-ġdid, it-timijiet l-oħra kienu reqdin? Din turina li Juventus biss tgħallmu li biex tirbaħ irid ikollok proġett sostennibbli. U dan narawh ukoll fir-rimarki ta’ ċertu plejers avversarji li jfaħħru bla waqfien ix-xogħol tad-diriġenza Bianconera.
Vincere non è importante, ma l’unica cosa che conta. Motto li Juventus jużawh kemm fil-grawnd kif ukoll fit-tmexxija tal-klabb. Avversarji li ħadu gost jarawna fis-Serie B, illum il-ġurnata jmorru ċ-Ċina sabiex jipprovaw iġibu investimenti oħra biex forsi jilħquna. Ir-rota ddur imma Juventus tibqa’ miexja bil-għaqal!