Għar-raba’ sena konsekuttiva, jiġifieri minn meta l-Juventus Club DOC Malta Cuore Bianconero twaqqaf, membri tal-Kumitat se jkunu qed jattendu għall-Club DOC Day li ssir fil-Juventus Stadium nhar is-Sibt 16 ta’ April.
Din hija laqgħa annwali tassew importanti li għaliha jattendu diriġenti tal-klabbs minn madwar id-dinja kollha. Laqgħa li titmexxa mill-President ta’ Juventus Andrea Agnelli, kif ukoll Pavel Nedved, il-President taċ-Centro Coordinamento Juventus Club DOC Mariella Scirea u l-amministraturi tal-Cordinamento immexxija minn Raffaello Roberto.
Din is-sena se tkun waħda speċjali għall-klabb tagħna għax wara biss erba’ snin mill-ftuħ se niġu ppremjati bħala l-akbar Juventus Club DOC uffiċjalment rikonoxxut minn Juventus barra mill-Italja.





