F’dawn il-jiem, fuq ġewwa tal-binja ġdida li se jżanżan dan il-klabb mill-bidu tas-sena d-dieħla, għaddej l-aħħar xogħol strutturali.
F’parti mill-post il-ġdid ikompli t-tqegħid tal-madum, kif ukoll l-installazzjoni tal-konnessjoni għas-sistema tal-arja kundizzjonata.
Il-premises ġodda huma ferm ikbar minn dawk attwali u fuq kollox totalment aċċessibbli, b’numru ta’ faċilitajiet kif ukoll żona kbira ta’ parkeġġ madwar il-klabb.
Se jkun hemm ukoll mużew ġdid dedikat totalment għal Juventus. Il-Kumitat qed jistieden lill-Juventini Maltin li jixtiequ jikkontribwixxu b’xi mod għal dan il-mużew, kemm b’donazzjoni jew b’self. Dawk kollha interessati li jgħaddu xi materjal li jaħsbu li jista’ jkun utli huma mitluba jibagħtu email fuq info@juventusmalta.com.
Dan il-pass ġdid se jġib spejjeż kbar lill-Kumitat li jaħdem b’mod volontarju, u fuq kollox xogħol biex fi ftit xhur il-post ikun lest biex jilqa’ lill-Juventini Maltin.
L-appell hu biex dawk li jixtiequ jgħinu iżjed, kemm b’donazzjonijiet ta’ oġġetti, memorabilia jew materjal, inkella jixtiequ jagħtu daqqa t’id b’mod manwali jew ikunu sponsors tal-klabb, jibagħtu email fuq admin@juventusmalta.com biex jingħataw dettalji dwar il-pakketti ta’ riklamar.







