Il-Juventus Club DOC Malta Cuore Bianconero tal-Marsa bi pjaċir iħabbar l-ikbar avveniment li qatt organizza sa mit-twaqqif tiegħu.

Dan hekk kif nhar it-3 ta’ Ġunju, għall-finali taċ-Champions League bejn Juventus u Real Madrid, il-Kumitat se jtella’ tliet avvenimenti f’post wieħed.

Kif diġà tħabbar, għal dan l-avveniment importanti inġiebu l-permessi kollha biex tingħalaq Triq Troubridge, fil-Marsa (quddiem il-klabb) fejn se jintrama big screen u fis-18:00 jibda pre-party mid-DJs JD Patrick u DJ Frank Zammit.

Fuq ġewwa, iż-żona tal-JCMCB Bar & Grill tkun post esklussiv għal dawk li jagħżlu open bar għal matul is-serata. Massimu ta’ mitt persuna, li jħallsu €35 kull wieħed, jistgħu jixorbu kemm jixtiequ bejn it-20:00 u l-23:00 filwaqt li jgawdu minn għażla vasta ta’ finger food.

Se tinżamm ukoll it-tieni sala bħala post seated, b’massimu ta’ 80 persuna li se jkunu akkomodati fuq bażi ta’ first come first served skont meta jsir il-booking.