Lejlet elezzjoni ġenerali f’pajjiżna, kellu jkun jum is-silenzju. Il-poplu Malti mitlub jirifletti fuq l-għazla tiegħu, dik ta’ bejn aħmar jew blu (u issa oranġjo wkoll) jew aħdar. Madankollu, qalb il-kuluri ta’ blu, aħmar, aħdar u kollox, insibu wkoll żewġ kuluri oħra qalb ħafna partitarji tal-isports. Fuq naħa nsibu l-minoranza (għaliex ftit hawn partitarji) tar-Real Madrid, filwaqt li fuq naħa oħra nsibu l-maġġoranza li jxejru l-bandiera bajda u sewda ta’ Juventus.

Is-Sibt 3 ta’ Gunju, hekk kif ħafna nies ikollhom moħħ biss fuq ir-riżultat li jkun qiegħed mistenni joħrog il-Ħadd, ħafna oħrajn ikunu magħluqin id-dar jew ġo xi bar jistennew il-partita minn ġewwa Cardiff. Imma l-antiċipazzjoni tibda minn ġimgħat qabel.

Is-silenzju politiku mhuwiex biżżejjed biex iservi l-ħsibijiet ta’ ħafna Juventini u Madridisti. U biex ngħidu kollox bħala partitarju Juventin, din il-finali hija xi ħaġa kbira, forsi naqra iktar mill-importanza tal-Madridisti li kif kulħadd jaf is-sena l-oħra ħargu rebbieħa fuq l-kuġini ta’ Atletico. Għalina l-Juventini, din ir-rebħa tfisser tripletta staġonali, kif ukoll rebħa ta’ tazza Ewropea wara 21 sena neqsin. Dan ukoll jasal sentejn biss wara telfa oħra fil-finali kontra l-Ispanjoli tal-Katalonja.

Imma x’silenzju? Il-midja soċjali mifqugħa b’ritratt tal-plejers Juventini u Spanjoli jippreparaw għal din il-logħba, mifqugħa b’ħafna vidjows tal-plejers jaslu ġewwa Wales sabiex għada jagħlqu il-kampjonat b’mod pożittiv għax biex ngħidu kollox, kemm Juventus kif ukoll Real Madrid kellhom staġun mill-aqwa hekk kif huma rebħu l-kampjonat domestiku (u Juventus rebħu wkoll it-trofew nazzjonali).

Għal ħafna partitarji, iktar ma joqrob il-ħin tal-partita, din l-antiċipazzjoni tibqa’ tiżdied u n-nervi jibdew neżlin f’saqajn kull wieħed u waħda minna. Imma iktar ma jgħaddi l-ħin iktar nistennew li naraw lil Buffon jaqta’ x-xewqa ta’ ħafna jew Sergio Ramos ikompli jżid in-numru ta’ trofej fil-lista tal-kbar ta’ Madrid.

Il-klabb qed jaħseb fi proġetti li jistgħu jagħtu prominenza nazzjonali lil dawk li jipparteċipaw fihom. Għalhekk, jekk tixtieq tappoġġja lill-klabb permezz ta’ sponsor, agħmel kuntatt magħna fuq info@juventusmalta.com.

Tixtieq tkun kontributur tas-sit juventusmalta.com u tibda tikteb l-artikli magħna? Agħmel kuntatt fuq admin@juventusmalta.com

dical-banner-1200×280