Wara d-draw kontra Sevilla, issa jmiss l-ewwel logħba taħraq fil-kampjonat, kontra Inter. Hekk kif il-Juventus rebħu l-ewwel tliet logħbiet kontra timijiet meqjusin diċenti u ġabru 9 punti, issa jmiss l-ewwel logħba diffiċilisima tal-kampjonat ġewwa San Siro.
Bla dubju ta’ xejn l-iktar plejer li jista’ jagħmel ħsara huwa Mauro Icardi. Icardi huwa l-captain tal-Inter u għandu 23 sena. Din is-sena huwa skurja 3 gowls f’4 logħbiet bejn kampjonat u Europa League. Waħda mill-iktar affarjiet importanti ta’ min isemmi hija l-istatistika ta’ gowls li skurja Icardi kontra Juventus. Fi 8 logħbiet kontra Juventus, huwa rebaħ 2 u ġie draw 3 logħbiet. Hu skurja 6 gowls kontra Juventus ma’ Sampdoria u ma’ Inter. L-aħħar gowl tiegħu kien wasal sentejn ilu meta f’San Siro, Juventus kienu rebħu 2-1, b’gowls ta’ Marchisio u Morata.
Icardi huwa brillanti ħafna bħala plejer tal-kaxxa u d-difiża ta’ Juventus jaf issib għadma iebsa, speċjalment meta Inter iridu li jaqilbu l-forma tagħhom, u żgur li b’rebħa kontra Juventus ikun il-mument opportun. Però Juventus iridu jagħmluhom 4 minn 4 u żgur mhux se jagħmluha faċli għar-rivali eterni.