L-akkwist ta’ Gonzalo Higuaín minn Juventus ġab ħafna kritika: Min qal li Juventus nefqu ħafna u min infexx jikkummenta daqslikieku se tispiċċa d-dinja għax il-plejer ġie nieqes mill-forma … jew aħjar oħxon.

Uħud bħal donnhom insew li r-rutina tal-ikel ta’ plejer mhix bħal ta’ bniedem komuni. Malli tiżgarra darba, l-effetti jibdew jidhru immedjatament. U min matul il-vaganzi ma qarraqx xi ftit bih innifsu u kiser id-dieta? Ma ninsewx … Higuaín kien ittimbrat bħala oħxon minn De Laurentiis xhur ilu, qabel kiser rekord ta’ gowls.

Imma Higuaín issa m’għadux plejer ta’ Napoli, u d-differenza bdiet tidher immedjatament. Juventus, li kienu taw ġimgħa iżjed lil Higuaín qabel wasal Turin u allura tilef ġimgħa ta’ preparazzjoni, assenjawlu nutritionist biex immedjatament jirkupra l-forma.

Higuaín fehem li ma’ Juventus irid ikun plejer serju. Fi ftit jiem id-differenza dehret. Saħansitra rrifjuta li jissieħeb man-nazzjonal biex f’temp ta’ ġimagħtejn ikun l-aqwa Higuaín possibbli.

Malli ħareġ ritratt li fih Higuaín jidher irqaq, dawk li qattgħu l-aħħar ġimgħat jikkritikaw bdew jistaħbew mill-ġdid, inkluż l-avversarji.

Minn hawn u ftit jiem oħra jisparixxu għalkollox, meta Higuaín jibda jiskurja. Aktarx insibuhom mill-ġdid fi tmiem l-istaġun, ifakkruna li Higuaín ma skurjax daqskemm skurja ma’ Napoli … fejn ma kellux lil Dybala u Mandžukić u kien iċ-ċentru tal-attenzjoni. Se jfakkruna wkoll li swiena €90 miljun.

Ħa nkun ċar. L-ebda plejer ma jiswa ċifra ta’ €90 miljun. Forsi tgħidli li mill-bejgħ tal-flokkijiet jiġu rkuprati, imma lanqas naqbel li għandek bżonn qrib il-€100 biex tixtri flokk.

Li hu żgur li minn hawn u ftit jiem oħra Higuaín se jerġa’ jaqbad jiskurja, u dawk li jsejħu lilhom infushom Juventini u ħatfu l-opportunità biex joħorġu mill-għar fejn kienu mistoħbija, jerġgħu jirtiraw bilmod … sakemm tasal l-ewwel telfa.