Wasalna f’nofs Ottubru, Napoli capolista u Juventus ħames punti taħthom fit-tielet post. Lanqas ilu xejn Juventus kienu l-erbatax-il post u xorta waħda ħadu l-lig, jiġifieri d-distakk fil-punti mhux jinkwetani bl-ebda mod partikulari. Baqa’ żewġ konfronti diretti ma’ Napoli biss biss u ħafna, u ħafna logħob.

Li qiegħed jinkwetani, u mhux naqra, huwa l-logħob, jew in-nuqqas tiegħu. Juventus bla ideat li tilgħab biss l-ewwel taqsima. Sindrome li għadha minn Cardiff, li swietna ħafna u jekk ħa jibqgħu sejrin hekk ħa tiswina kollox dis-sena. Meta jkun preżenti, ikun logħob konfuż. Daqqa u fuq imbagħad jara Asamoah/Dybala/Higuaín/Mandžukić jew min ikun hemm.

Din il-konfużjoni ġejja min-nuqqas ta’ kundizzjoni tal-Pipa u mill-pożizzjoni stramba tiegħu. Hija inaċċettabbli li xahrejn u nofs wara li beda l-istaġun għadu mhux fil-kundizzjoni ottimali. Imma dik erħilha, għax assassin tal-kaxxa bħalu ma tantx għandu bżonn ikun jiflaħ jiġri.

Assassin tal-kaxxa li qed jilgħab f’nofs il-grawnd u jiġbor il-ballun minn hemm. Onestament ma nafx għala. M’għandux aċċelerazzjoni, veloċità, tul, u saħħa biex jilgħab hekk. Mhuwiex target man.

Jekk Allegri jixtieq jilgħab hekk, aħjar jilgħab Mandžukić. Higuaín mhux kapaċi jżomm u jaqleb il-logħob. Mhux in-natura tiegħu. Trezeguet qatt ma lagħab hekk, lanqas ħdejn il-baħar mal-ħbieb għall-gost. Ma tistax titlob infermier jagħmel operazzjoni jew kirurgu jkun jaf il-pazjenti kollha tas-sala b’isimhom u għal xiex huma allerġiċi. It-tnejn jaħdmu fil-qasam tas-saħħa imma xogħolhom differenti. L-istess dawn l-attakkanti.

Barra minn hekk inxtraw wingers veloċi fis-sajf biex itellgħu l-logħob u jikkrossjaw għan-nofs. Din l-istrateġija diġà kienet ftit difettuża hekk kif Higuaín mhux plejer twil u mhux imponenti bir-ras. Aħseb u ara kemm hi iżjed difettuża jekk lanqas biss ikun fil-kaxxa biex jirċevihom!

Prova oħra ta’ kemm qed jilgħab barra minn postu hija l-ammont ta’ blalen perikolużi li qed jaslulu kull logħba. Ma’ Lazio wasal ballun wieħed biss. Ma jagħmilx mirakli. Ma jistax ikun li jasal ballun wieħed biss.

Is-soluzzjonijiet huma essenzjalment tnejn. Jinbiegħ Higuaín u jilgħab Mandžukić floku, target man. Jibqa’ Higuaín u jilgħab bħas-sena l-oħra: ġol-kaxxa u ma jiċċaqlaqx minn hemm.

Il-klabb qed jaħseb fi proġetti li jistgħu jagħtu prominenza nazzjonali lil dawk li jipparteċipaw fihom. Għalhekk, jekk tixtieq tappoġġja lill-klabb permezz ta’ sponsor, agħmel kuntatt magħna fuq info@juventusmalta.com.

Tixtieq tkun kontributur tas-sit juventusmalta.com u tibda tikteb l-artikli magħna? Agħmel kuntatt fuq admin@juventusmalta.com

dical-banner-1200×280