L-aħħar indiskrezzjonijiet, anke fuq dan is-sit, juru li Gonzalo Higuaín ħa jingħaqad ma’ Juventus billi jħallsu l-klawsola ta’ €94 miljun wara li għamel it-testijiet mediċi bil-moħbi.

Dan ifisser li probabbilment ħa jkun hemm riallokazzjoni ta’ fondi. Pogba għal ma’ Manchester United għall-prezz ta’ €120 miljun u dawn il-flus jintużaw biex jinxtara Higuaín u parti mill-paga tiegħu. Jekk mhux kollha jekk Marotta jirnexxilu jiġbor iżjed flus.

Min ħa jieħu vantaġġ mis-sitwazzjoni?

Napoli ħa jiġbru somma enormi imma ħa jitilfu ħafna, anzi wisq saħħa, u ħa jkollhom jerġgħu jibdew mill-bidu u jissograw fuq plejers oħra. Dan it-trasferiment, jekk iseħħ, ifisser li Napoli mhux ħa jkunu kapaċi jissieltu għal-lig sakemm ma jixtrux attakkant li jisplodi bħalma sploda Higuaín.

U Juventus? Juventus ħa jitilfu l-iżjed midfielder promettenti fid-dinja. Imma ħa jieħdu wieħed mill-aqwa attakkanti. Xorta jrid jiġi xi ħadd flok Pogba sakemm Allegri ma jbiddilx il-formazzjoni. U nikkuntenta biss b’xi Kroos jekk iżomm l-istess formazzjoni. Iżda b’Higuaín fit-tim, Juventus diġà għandhom id fuq l-Iscudetto u l-Coppa Italia meta tikkunsidra kemm qabad Higuaín fl-Italja u l-ammont mostruż ta’ gowls li skurja. Ħa tkun interessanti kif ħa jġib ruħu u jintegra fi skwadra fejn kulħadd hu ndaqs, hu mhux l-istilla, mhux kollox idur miegħu u fejn irid ukoll jiddefendi.

Iżda hu jrid iċ-Champions League u anke Juventus. Żwieġ magħmul fil-ġenna jekk El Pipita jikkalma ftit u ma jagħmilx xi waħda tinkiteb u jitgħallem jagħti l-penaltis taħt pressjoni. Ftit jimporta li għandu 29 sena. Biex tirbaħ u tħobb trid tkun ftit miġnun.

U din hija ġennata tajba. Hemm ċans tkun ġennata brillanti.

dical-banner-1200×280