Fl-aħħar ġimgħat fil-premises ġodda tal-klabb, fil-Marsa, għaddejja ħidma bla heda biex il-post jiftaħ mill-iktar fis possibbli, bil-mira tkun Jannar li ġej.
Kif jidher fir-ritratti, f’dawn il-jiem kien għaddej ix-xogħol tat-tqegħid tal-madum biex b’hekk dak tas-sala prinċipali issa kważi lest.
Madankollu, fadal isir dak ta’ partijiet oħra tal-klabb, fosthom il-ġnub fejn hemm ideat interessanti u oriġinali li dwarhom se niżvelaw iktar dettalji fil-jiem li ġejjin.
Il-premises ġodda huma ferm ikbar minn dawk attwali u fuq kollox totalment aċċessibbli, b’numru ta’ faċilitajiet kif ukoll żona kbira ta’ parkeġġ madwar il-klabb.
Se jkun hemm ukoll mużew ġdid dedikat totalment għal Juventus. Il-Kumitat qed jistieden lill-Juventini Maltin li jixtiequ jikkontribwixxu b’xi mod għal dan il-mużew, kemm b’donazzjoni jew b’self. Dawk kollha interessati li jgħaddu xi materjal li jaħsbu li jista’ jkun utli huma mitluba jibagħtu email fuq info@juventusmalta.com.
Dan il-pass ġdid se jġib spejjeż kbar lill-Kumitat li jaħdem b’mod volontarju, u fuq kollox xogħol biex fi ftit xhur il-post ikun lest biex jilqa’ lill-Juventini Maltin.
L-appell hu biex dawk li jixtiequ jgħinu iżjed, kemm b’donazzjonijiet ta’ oġġetti, memorabilia jew materjal, inkella jixtiequ jagħtu daqqa t’id b’mod manwali jew ikunu sponsors tal-klabb, jibagħtu email fuq admin@juventusmalta.com biex jingħataw dettalji dwar il-pakketti ta’ riklamar.





