Il-Kumitat tal-Juventus Club Malta Cuore Bianconero bi pjaċir iħabbar li se jibda sensiela ta’ xandiriet diretti bl-isem ta’ “The JCMCB Chat Show” fuq il-paġna ta’ Facebook tal-klabb. Dan fi sforz biex il-klabb jibqa’ qrib il-Juventini Maltin f’dan il-perjodu diffiċli kawża tal-pandemija tal-Covid-19.

Ix-xandiriet se jsiru fuq idea tal-eks President u President Onorarju tal-klabb, Jean Borg li se juża l-esperjenza tiegħu fix-xandir kif ukoll il-passjoni u r-rabta tiegħu ma’ Juventus biex jipprovdi materjal ta’ kwalità ta’ kull ġimgħa.

Dawn ix-xandiriet se jlaqqgħu lill-Juventini Maltin ma’ sensiela ta’ personaġġi marbuta mal-klabb u ma’ Juventus kif ukoll ma’ klabbs barranin għas-sapporters Juventini, klabbs Maltin ta’ sapporters ta’ skwadri oħra, divertiment, storja u informazzjoni dwar Juventus.

L-ewwel xandira se ssir għada, il-Ħamis 30 t’April bejn is-19:00 u t-20:00 u qed issir ukoll grazzi għall-kollaborazzjoni u ħidma ta’ membri oħra tal-Kumitat fosthom il-President tal-klabb Marlon Hili, Paul Valletta, Peter Paul Cassar, David Baldacchino, Matthew Mamo u Gabriel Rosario Zammit.