Il-Kumitat tal-Juventus Club Malta Cuore Bianconero b’dispjaċir iħabbar li qed jikkanċella t-tour għal-logħba tas-Serie A kontra Sampdoria. Dan fid-dawl tat-tibdil kontinwu fid-dati tal-logħob u d-deċiżjonijiet differenti li qed jittieħdu kontinwament mill-awtoritajiet Taljani.

Minkejja li t-tour intlaqa’ tajjeb, u kien hemm numru ta’ persuni li bbukkjaw, il-Kumitat iħoss li jkun irresponsabbli li jikkomprometti l-flus tal-membri tiegħu billi minn issa jaċċetta pagamenti għal dan it-tour. Dan fid-dawl tal-inċertezzi li jeżistu minħabba l-Covid-19 (Coronavirus) fl-Italja u l-fatt li fl-aħħar jiem tħabbar li diversi logħob taċ-Champions League, Serie A u Coppa Italia se jintlagħbu wara bibien magħluqa għal perjodu ta’ mill-inqas 30 ġurnata.

Is-sitwazzjoni qed tinbidel kontinwament u hu impossibbli li wieħed jipprevedi x’se jiġri minn issa sal-logħba kontra Sampdoria, f’Mejju. Iktar minn hekk, il-klabb għadu lanqas biss irċieva komunikazzjoni uffiċjali mingħand Juventus dwar refunds tal-biljetti kontra Inter, li issa se tintlagħab b’bibien magħluqa. Għalhekk il-Juventus Club Malta Cuore Bianconero, b’responsabbiltà, ħa din id-deċiżjoni.

Dawk li laħqu nkitbu għal dan it-tour qed jiġu kkuntattjati personalment biex jingħataw lura dak li ħallsu għalih. Ladarba jkun hemm risposti uffiċjali mingħand Juventus, il-Kumitat se jikkuntattja personalment lil dawk li xtraw biljetti għal-logħob li jmiss u li issa se jintlagħbu mingħajr partitarji.