Għeżież ħbieb Juventini,

Hu ta’ unur kbir għalija li f’isem sħabi tal-kumitat qed nikteb dawn l-erba’ kelmiet għall-okkażjoni ferm speċjali u importanti għall-klabb tagħna.

Għadu kif ħareġ b’mod uffiċjali li l-Juventus Club DOC Malta Cuore Bianconero nħatar bħala l-klabb barrani bl-ikbar numru ta’ membri reġistrati minn fost dawk rikonoxxuti uffiċjalment minn Juventus F.C. It-12-il klabb ta’ qabilna huma kollha klabbs Taljani, ta’ bliet kbar jew saħansitra reġjuni sħaħ. Bi pjaċir ukoll inħabbar li apparti t-tesserament ta’ 780 membru DOC li rreġistrajna din is-sena, il-klabb għamel rekord ġdid ta’ 999 membru, u ninsabu kunfidenti li mhux se ndumu wisq biex naqbżu l-1,000 membru.

Dan huwa unur kbir għall-klabb tagħna u rridu nħarsu lejh bħala punt ta’ tluq u mhux ta’ wasla, minkejja li lħaqna dawn in-numri wara biss erba’ snin mill-ftuħ uffiċjali tagħna. Dawn is-suċċessi kollha waslu grazzi għalikom u għal-lealtà u l-fiduċja fil-klabb tagħna! Mingħajr il-membri, klabb mhu xejn u niftaħar ngħid li l-membri tagħna huma fost l-aqwa fid-dinja. Grazzi kbira.

Nixtieq insemmi u nirringrazzja wkoll lill-Presidenti Onorarji Joseph F. Borg u James Mizzi li minħabba raġunijiet personali waqfu mill-kumitat ftit ġimgħat ilu għax dan is-suċċess huwa wkoll grazzi għalihom. Żammewna magħqudin u fit-triq it-tajba. Il-messaġġ tagħhom kien dejjem li għandna niġbdu ħabel wieħed u dan il-ħabel għandu jkun l-istess għal kulħadd. Obdejna u intom wassaltuna għal dan l-unur kbir.

Nixtieq ukoll insemmi lill-klabbs l-oħra Maltin li wkoll ġabu numri interessanti. B’mod partikulari nifraħ lil Joseph Fenech, il-President tal-Juventus Club DOC Malta Vero Amore li kklassifikaw fit-tieni post f’din il-klassifika tant importanti. In-numri li l-klabbs Maltin u Għawdxin laħqu bejniethom juru l-qalb kbira Juventina f’Malta. Fil-fatt meta tgħaqqad dawn in-numri, Malta tirriżulta fit-tieni post bi tmien’ membri biss inqas mill-klabb li jirrappreżenta r-Regjun tan-Nord Est ta’l-Italja. Għalhekk nibqa’ nħeġġeġ lil kulħadd jissieħeb membru DOC fis-snin li ġejjin biex inżommu isem Malta fl-għoli f’għajn il-Juventus.

Minn issa jibda vjaġġ aktar diffiċli għalina. Li tirbaħ unur hekk mhux faċli. Li tikkonfermah fil-futur huwa aktar diffiċli. Iżda dak se jkun il-mandat tagħna. Dak li nibqgħu naħdmu għall-membri biex jieħdu dak li jixirqilhom. Inbaxxu rasna u niskużaw ruħna fejn stajna għamilna xi ħaġa aħjar u nħarsu biss ’il quddiem. B’hekk biss naslu u nkomplu nitjiebu flimkien!

Grazzi u fino alla fine forza JCMCB!

Omar Busuttil
President


Juventus Club DOC Malta Cuore Bianconero
L-Imrieħel