Il-Kumitat bi pjaċir iħabbar li x-xogħol kollu li sar fl-aħħar xhur wassal biex l-Uffiċċju tal-Kummissarju tal-Għaqdiet Volontarji japprova r-rapporti amministrattivi u finanzjarji kollha sa mit-twaqqif tal-klabb. Dan wara analiżi stretta u dettaljata minn dan l-Uffiċċju, f”eżami dettaljat li ħa x-xhur.

Dan ifisser li l-klabb issodisfa l-kriterji kollha biex ikompli jkun regolat bħala Għaqda Volontarja, status li jġib miegħu diversi responsabbiltajiet u regoli stretti ta’ amministrazzjoni tajba, trasparenti u kontabbli.

Biex tinħareġ din iċ-ċertifikazzjoni kien hemm bżonn ħidma kbira li tinvolvi l-ġbir tad-dokumenti kollha sa mit-twaqqif tal-klabb u organizzazzjoni totali tad-dokumenti, inkluż il-minuti ta’ kull laqgħa tal-Kumitat, Laqgħat Ġenerali Straordinarji u Laqgħat Ġenerali Annwali li saru fl-aħħar snin.

Dan il-proċess twil, dettaljat u metikoluż kien wieħed mir-responsabbiltajiet li kellu l-Kap Eżekuttiv tal-klabb, Marlon Hili.

Minkejja li ċ-ċertifikati ħarġu, il-klabb jista’ jitlef dan ir-rikonoxximent fi kwalunkwe ħin. Hu għalhekk li l-Kumitat se jkompli jwettaq tibdil amministrattiv u josserva regoli stretti li jwasslu għall-ogħla standards possibbli.

Infakkru li l-appuntament amministrattiv li jmiss hu l-Laqgħa Ġenerali Annwali, li se ssir nhar is-Sibt, 9 ta’ Marzu, fil-11:00.