Il-Kumitat jixtieq iħabbar li rċieva donazzjoni imprezzabbli ta’ mijiet ta’ magazines storiċi relatati ma’ Juventus.

Il-kollezzjoni tinkludi rivisti bħal Guerin Sportivo, Calcio 2000 u wkoll ir-rivista uffiċjali ta’ Juventus, Forza Juventus. Uħud minn dawn ir-rivisti jmorru lura għad-disgħinijiet u jfakkru mumenti storiċi mill-istorja glorjuża tal-klabb.

Din id-donazzjoni se ssaħħaħ il-kollezzjoni tal-klabb, li fis-snin li għaddew irċieva wkoll mijiet ta’ rivisti Hurrà Juventus. Dawn kienu qed jiġu esebiti kull darba li l-klabb jorganizza xi open day u l-istess se jiġri b’din l-aħħar donazzjoni. Sadattant hemm ukoll il-ħsieb li tinstab soluzzjoni biex dawn jitgawdew b’mod iktar permanenti.

Ta’ din id-donazzjoni, il-Kumitat jirringrazzja lil Nicky Farrugia, li diġà jagħmel xogħol b’mod volontarju u mill-iktar importanti bħala qarrej tal-provi flimkien ma’ tim ta’ professjonisti oħra li jaraw li kull artiklu ppubblikat fuq dan is-sit ikun korrett.

Min għandu xi rivisti simili, jew materjal relatat ma’ Juventus, li jixtieq jgħaddihom lill-klabb biex ikunu esebiti u jitgawdew mill-Juventini Maltin, jista’ jagħmel dan billi jikkuntattja lil xi membru tal-Kumitat.