Wieħed mill-idoli tiegħi ta’ dan iċ-ċiklu ta’ Juventus huwa proprju Simone Padoin, magħruf ukoll bħala ‘Il Pado’. M’għandux teknika ta’ barra minn hawn, ma jaqbiżx plejers, ma jiskurjax mija kull staġun…

U ironikament huwa għalhekk li huwa wieħed mill-idoli tiegħi. Jaf il-limitazzjonijiet tiegħu. Jaf kemm għereq għaraq tad-demm biex wasal sa Atalanta u minn Atalanta ma’ Juventus. Jaf x’jiġifieri tittrenja minn filgħodu sa filgħaxija sakemm tasal it-telefonata tant mixtieqa: “Simone, iriduk Juventus. X’ngħidilhom?”

Plejer li qatt ma jagħmel polemika, li dejjem rasu baxxuta jobdi lill-kowċ. Jolly kif jgħidu. Reġista? Difensur laterali max-xellug jew mal-lemin? Inkontrista? Mezz’ala? Trekwartista? Mal-linja tal-lemin jew tax-xellug? “Niente problema Mister.” Mhux problema kowċ, għidli fejn nilgħab u min-naqra li naf naqdik. Ma nafx ħafna, imma nagħti l-200% tiegħi. Gowler u ċentrali tad-difiża biss jonqsu jilgħab. Il-kampjonat ħadnieh, tgħid narawh fil-lasta l-logħba li ġejja…?

Dik il-grinta, dik il-passjoni, dak is-sens ta’ sagrifiċċju ma nibdlu ma’ xejn. Li jonqoshom plejers bħal Balotelli għandu ‘Il Pado’. Mhux plejer banali, m’ilux skurja u kull meta jilgħab dejjem jilgħab tajjeb.

Is-soltu f’artikli hekk inħares lejn l-istatistika imma f’dan il-każ niġi naqa’ u nqum mill-istatistika. F’dan il-każ l-ewwel il-qalb u l-passjoni.

Biex nikkwota diska li ddedikawlu s-sapporters Torinesi: “Che ce frega di Ronaldo noi c’avemo Padoin”.

X’jimpurtana minn Ronaldo, aħna għandna lil Padoin.