Postijiet biżżejjed għall-parkeġġ kien fattur ewlieni hekk kif il-kumitat kien qed ifittex post ġdid biex fil-bidu tas-sena d-dieħla l-Juventus Club DOC Malta Cuore Bianconero jimxi għal post ġdid.
Iż-żona magħżula, fil-Marsa, hi mdawra minn uffiċċji u numru ta’ kumpaniji, imdawla sew u fuq kollox spazjuża ħafna b’ammont kbir ta’ postijiet ta’ parkeġġ.
B’hekk kienet eliminata l-problema li ħafna kienu jsibu meta jattendu fil-premises attwali tal-klabb, fiż-żona industrijali tal-Imrieħel.
Il-bini l-ġdid tal-klabb, fejn bħalissa għaddej xogħol estensiv biex ikun lest fi ftit xhur, hu ferm ikbar minn dak tal-Imrieħel u aċċessibbli anke minn persuni li jagħmlu użu minn siġġu tar-roti.
Dan il-pass ġdid se jġib spejjeż kbar lill-Kumitat li jaħdem b’mod volontarju, u fuq kollox xogħol biex fi ftit xhur il-post ikun lest biex jilqa’ lill-Juventini Maltin.
L-appell hu biex dawk li jixtiequ jgħinu iżjed, kemm b’donazzjonijiet ta’ oġġetti, memorabilia jew materjal, inkella jixtiequ jagħtu daqqa t’id b’mod manwali jew ikunu sponsors tal-klabb, jibagħtu email fuq admin@juventusmalta.com biex jingħataw dettalji dwar il-pakketti ta’ riklamar.





