Il-midja Taljana qed tisħaq li hemm ċans kbir li Pjanić jiffirma ma’ Juventus, wara li hemm klawżola għal somma ta’ €38 miljun u b’hekk Roma ma jistgħux jirrifjutaw. Il-volontà tal-plejer tidher li tiffavorixxi lil Juventus, għaliex huwa qatt ma nnega l-aħbarijiet li bdew jixxandru fuq kull stazzjon sportiv.
Aħbarijiet Spanjoli kitbu wkoll li Barcelona kienu wkoll qed jiġru wara Miralem, madankollu Juventus xorta kienu favoriti, anke minħabba l-fatt li mal-qawwa Taljana kien se jkollu iktar spazju, wara l-waqfa twila ta’ Marchisio.
Però l-mistoqsija tibqa’, plejer bħal Pjanić jiswiehom €38 miljun? Pjanić hu famuż għal ħafna kapaċitajiet fosthom il-kreattività, il-blalen diretti f’saqajn il-players, u l-famużi set pieces perfetti tiegħu. Madankollu ħafna jgħidu li Pjanić għandu difetti, bħal li f’logħob importanti, ħafna drabi jiffloppja u ma jidhirx.
Difett ieħor huwa li m’għandux il-mentalità li jbiddel l-andament tal-logħba. Madankollu rridu nistaqsu jekk dan huwiex parti mill-fatt li huwa jinsab f’ambjent kalċistiku ferm differenti minn ta’ Turin.
Fl-opinjoni tiegħi Pjanić ma jiswiex iktar minn €30 miljun. Però naħseb ukoll li bħalissa, f’dinja fejn plejers medjokri jiġu mixtrijin somom kbar ta’ flus, u fil-każ tan-nuqqas ta’ Marchisio, Pjanić huwa plejer li ħa jkun ta’ importanza għall-iskwadra Juventina.