Preżentement kulħadd qed jistaqsi liema plejer imissu jilbes in-numru 10 fit-tim ta’ Juventus. Wara li fl-2012 il-leġġenda Alessandro Del Piero spiċċa l-karriera tiegħu ma’ Juventus, in-numru 10 sar għandu iktar sinifikat fil-klabb ta’ Juventus u jrid verament ikun plejer importanti biex jerġa’ jilbes il-flokk Juventin b’dak in-numru.

Fis-26 ta’ Ġunju tal-2013, Juventus kienu ffirmaw lill-Arġentin Carlos Tevez. Wara li n-numru 10 ntlibes l-aħħar minn Del Piero fl-2012, id-diriġenti ta’ Juventus iddeċidew li jagħtu dan in-numru lil Tevez. Kien hemm ħafna opinjonijiet differenti mill-partitarji għaliex jafu kemm hu tqil dak in-numru speċjalment wara t-tluq ta’ Del Piero.

L-Arġentin mill-ewwel sostna li se jkollu responsabbiltà kbira li se jkun qed jilgħab bin-numru 10. Fl-ewwel staġun tiegħu Tevez kien strumentali ħafna għat-tim tiegħu fejn b’19-il gowl, l-Arġentin kien ta’ għajnuna biex Juventus jirbħu l-kampjonat fejn spiċċaw fl-ewwel post bit-total rekord ta’ 102 punti u 17-il punt vantaġġ fuq l-eqreb rivali Roma.

F’dak l-istaġun Tevez rebaħ ukoll il-plejer tas-sena. Fl-istaġun ta’ wara Carlos Tevez reġa’ kien protagonist għal Juventus biex jiksbu r-raba’ kampjonat konsekuttiv fejn spiċċa l-istaġun bit-total ta’ 20 gowl iżda sfortunatament l-Arġentin ħabbar li mill-istaġun ta’ wara ha jirritorna mal-klabb li beda l-karriera miegħu, Boca Juniors.

Wara l-karriera ta’ Alessandro Del Piero jilbes n-numru 10 u s-sentejn fantastiċi ta’ Carlos Tevez, fl-2015 kien imiss lil Paul Pogba li jingħata n-numru 10.

Wara din l-aħbar, kien hemm ovvjament diversi opinjonijiet jekk kienx ħaqqu Pogba jew le. Il-kwalitajiet tal-Franċiż kulħadd jafhom u mill-2012 minn dejjem stabbilixxa ruħu bħala wieħed mill-aħjar plejers fl-Ewropa.

Sfortunatament wara staġun wieħed jilbes dan in-numru, Paul Pogba ssieħeb ma’ Manchester United għal somma rekord fil-futbol ta’ €105 miljun. Ħafna jsostnu li wara li ġie mogħti n-numru għaxra ma kellux iħalli hekk lil Juventus. Ċertu opinjonijiet oħra jgħidulek imma offerta bħal dik ma setgħux ma jaċċetawhiex.

Minn dakinhar ‘il quddiem il-famuż numru 10 għadu ma libsu ħadd. Preżentement diversi partitarji jixtiequ jaraw lill-Arġentin Paulo Dybala li jilbes dan in-numru però fl-istess ħin hemm il-biża’ li jekk jiġri hekk, tiġri l-istess storja ta’ Paul Pogba.

Fl-aħħar mill-aħħar, jilbes min jilbes dan in-numru se jkollu responsabbiltà kbira però fl-istess ħin f’moħħu għandu jżomm li dan in-numru ntlibes minn leġġendi kbar tal-istess klabb.

Il-klabb qed jaħseb fi proġetti li jistgħu jagħtu prominenza nazzjonali lil dawk li jipparteċipaw fihom. Għalhekk, jekk tixtieq tappoġġja lill-klabb permezz ta’ sponsor, agħmel kuntatt magħna fuq info@juventusmalta.com.

Tixtieq tkun kontributur tas-sit juventusmalta.com u tibda tikteb l-artikli magħna? Agħmel kuntatt fuq admin@juventusmalta.com

dical-banner-1200×280