Is-sena l-oħra Álvaro Morata ingħaqad ma’ Juventus biex ikun sostitut ta’ Fernando Llorente. Imbagħad spiċċa ħadlu postu. Is-sena l-oħra deher f’45 partita (2,295 minuta), skurja 15-il gowl u ta 7 assists. 5 minnhom fiċ-Champions League fejn kien super deċiżiv speċjalment konta Real Madrid u skurja l-unika gowl Juventin fil-finali. Wara sena bħal dik daħal fil-qalb ta’ kull Juventin.

Dis-sena telaq Llorente u kulħadd beda jistenna li jkun hu t-titulari ma’ Dybala. Probabbilment anke hu. Imma mbagħad wasal Mandžukić li huwa inqas versatili imma jista’ jilgħab bħala target man aħjar minnu u jippressa iżjed mal-grawnd kollu. Dan wassal biex Morata jitlef postu. Allegri ma xtaqx li jiġri hekk allura ppruvah mal-linja fl-4-3-3. Objettivament dan kien falliment kbir u Morata baqa’ ma qabadx art.

Rari beda jibda u kultant beda jiskurja wieħed imma qisu ma sabx dik il-kontinwità. S’issa deher f’40 partita (2,099 minuta), skurja 10 gowls u ta 6 assists. Lagħab bejn wieħed u ieħor l-istess minutaġġ imma għadu lura fejn is-sena l-oħra. Waħda mir-raġunijiet hija li qed jilgħab f’pożizzjoni differenti u qed jilgħab inqas.

Imma għandna nagħtuh lura lir-Real Madrid? Hu jixtieq jibqa’, kif qal ħafna drabi, għax ma’ Juventus reġa’ beda l-karriera, lagħab man-nazzjonal, għamel il-ħbieb u jħobb il-belt. Issa jonqos naraw xi jridu Juventus.

Għalija għandu jibqa’ u bil-kif. Is-sena l-oħra wasalna fejn wasalna bis-saħħa tiegħu. Dis-sena meta lagħab, lagħab tajjeb dejjem aqta’ meta Allegri lagħbu mal-linja. Ma’ Bayern Munich hu skurja gowl li ħassruhulu u ta assist lil Cuadrado. Ma’ Inter fil-Coppa Italia kien deċiżiv ukoll billi skurja tnejn. Forsi fil-lig ma tantx jiskurja daqshekk imma fit-Tazzi ta’ ġewwa jew barra dejjem jiskurja u jkun importanti. Jekk beħsiebna li qabel jiġi d-dubbien abjad nerġgħu neħduha, nemmen bis-sħiħ li Morata għandu jkun pedina importanti. Plejer li kull meta tilagħbu kważi jkun deċiżiv jiswa mitqlu deheb. Dis-sena fi 8 partit taċ-Champions, fejn f’6 minnhom beda mill-bidu, kien deċiżiv b’gowl jew assist f’4 minnhom. Nofshom!

Jekk jibqa’ għandna nilagħbu iżjed fit-tul però għax il-forte tiegħu qiegħed f’li jżomm l-avversarju fin-naħa tiegħu minħabba li jilgħab mal-linja tal-offside. Bil-maqlub ta’ Mandžukić ma tantx jinżel jiddefendi, però dan ifisser li Juventus ma jitgħaffġux fil-kaxxa tagħhom. Dan deher biċ-ċar kontra Bayern Munich. Bih fil-grawnd bdew jattakkaw b’6 plejers. Kif daħal Mandžukić u l-fulkru tat-tim waqa’ lura, Bayern bdew jattakkaw b’10. Ovvjament trid tbiddel skont il-logħba imma f’logħob bħal dawn kapaċi jkun deċiżiv ħafna.

Għandu fejn jitjieb ukoll. Irid ikun inqas egoist u iżjed assertiv. Irid iqassam iżjed, jiddefendi ħarira iżjed u jaqa’ inqas ma’ kull kuntatt. Irid juri ftit iżjed grinta bħal Zaza; imma dik analiżi għal darb’oħra.

Imma jkolli ngħid, biex nisraqha lil Zuliani, li jien InnaMorata bil-qawwi, u jiddispjaċini immens jekk jitlaqna fis-sajf li ġej.